Ambjent Lokali

Sitwazzjoni ta’ periklu f’partijiet tat-Triq tal-Għadira

Traskuraġni, periklu, nuqqas ta’ aċċess.

Dan hu dak li rajna meta żorna t-triq tal-Għadira wara li Net News irċivejna numru ta’ lmenti minn diversi persuni li spiss f’dan l-istaġun il-bajja tal-Għadira tkun qisha t-tieni dar tagħhom.

F’filmati li ġbidna, evidenti t-traskuraġni kbira li hemm fiz-zona fejn persuni qalulna kif anki hemm periklu meta wieħed jipprova jasal il-bajja.

Persuni li għandhom problemi ta’ mobbiltà faħħru l-fatt li fil-bajja hemm aċċess li jagħti għajnuna biex wieħed ikun jista’ jagħmel użu mill-faċilitajiet tal-bajja, iżda għalxejn hemm dan kollu jekk biex tasal għall-bajja hemm il-periklu u nuqqas ta’ aċċess.

Rajna wkoll kurduni mal-art, filwaqt li r-roundabout ewlenija mimlija terrapien u materjal ieħor.

Net News żar ukoll l-entratura tal-park tan-Natura 2000, fejn rajna injam maqlugħ mal-art…. u ħdejhom kien hemm ukoll numru ta’ tabelli li suppost iservu ta’ gwida ghall-pubbliku….

Minn informazzjoni li waslitilna, ambjentalisti qed jaraw kif il-bajja mhux qed tkun imħarsa kif suppost, fejn anki r-ramel mhux qed jingħata l-prijorità. L-esperti saħqu magħna li jekk il-bajja mhux se tingħata l-prijorità meħtieġa, il-Blue Flag tal-Għadira – li issa ilha mill-2010 – hemm ċans tintilef.