It-tlielaq mal-barrin fi Spanja kellhom tmiem traġiku għal tlett irġiel li mietu b’kaġun tal-ġrieħi li ġarrbu f’numru ta’ avvenimenti tradizzjonali lejn il-lvant tal-pajjiż.
It-tlielaq fejn seħħew il-fatalitajiet saru kollha waqt l-avveniment magħruf bħala bous al carrer fir-reġjun ta’ Valencia u fejn il-barrin ikunu mġiegħelha jiġru b’veloċità kbira minn qalb it-toroq dojoq, bil-folol tan-nies jiġru eżattament quddiemhom.
L-assoċjazzjonijiet favur id-drittijiet tal-annimali ilhom imexxu l-kampanji biex iwissu dwar il-perikli ta’ dawn it-tiġrijiet għan-nies kif ukoll għall-annimali. Dan wara li, fl-aħħar tmien snin, mietu talanqas 20 waqt l-avvenimenti ta’ dan it-tip fir-reġjun inkwistjoni.
L-aħħar tliet irġiel li tilfu ħajjithom kollha spiċċaw isofru l-ġrieħi serji waqt it-tiġrijiet li saru fl-aħħar ġimgħatejn – bil-każi rispettivi jseħħu f’Picassent, Meliana u Pedreguer li jinsabu kollha fir-reġjun ta’ Valencia.
L-aktar festival famuż tal-barrin hu dak ta’ San Fermin, f’Pamplona, u fejn, din is-sena, kienu rreġistrati talanqas 40 midruba waqt it-tlielaq tradizzjonali.
Fl-istess ħin, l-istaġun tal-bous al carret huwa ta’ stimolu kbir għall-ekonomija ta’ Valencia, b’analiżi li saret fl-2019 turi li l-avveniment għamilha possibbli li jinħolqu l-eluf tal-impjiegi ġodda, filwaqt li ġġenera dħul ekwivalenti għall- għexieren tal-miljuni tal-ewro.
//= $special ?>

