Raġel ta’ 39 sena mingħajr indirizz fiss u li kemm il-darba xellef difrejh mal-ġustizzja kemm fuq droga u reati oħra ġie kundannat tliet xhur ħabs wara li waqt li kien detenut l-isptar Monte Carmeli nstabet fuqu raża meħuda mill-pjanta cannabis.
Michael Portelli nstab ħati mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li fil-11 ta’ Ġunju 2011, għall-ħabta ta’ nofsinhar, waqt li kien fit-Taqsima Forensika li tifforma parti mill-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin u li tinsab fl-Isptar Monte Carmeli kellu din id-droga.
Mill-provi rriżulta li l-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara ġew infurmati mill-Maġġur Frankie Borg mit-Taqsima tal-Forensika tal-Isptar, illi kienet għadha kemm instabet sustanza suspettata droga fuq wieħed mid-detenuti. Jirriżulta wkoll illi dakinhar Portelli kellu ‘contact visit’ mat-tfajla tiegħu, u hekk kif din il-viżta spiċċat, għall-ħabta ta’ 11.45 a.m. saret tfittxija fl-affarijiet li kienu ngħataw lill-imputat waqt l-istess viżta, fejn ma nstab xejn.
Wara saret ‘strip search’ fuq l-imputat fejn wkoll ma nstab xejn, iżda hekk kif gwardjan minnhom talab lil Portelli sabiex ineħħi l-arloġġ li kien liebes, l-uffiċjali preżenti nnutaw lill-imputat bħal qiesu qed jaħbi xi ħaġa f’idu, fejn irriżulta li kien qed iżomm karta bajda daqs ta’ ċenteżmu tal-ewro.
Mistoqsi x’kien hemm f’din il-karta, l-imputat wieġeb li kienet smoke. Fil-karta kien hemm sustanza kannella skura. Mir-relazzjoni tal-espert ix-Xjenzat Godwin Sammut, irriżulta li s-sustanza kienet Tetrahydrocannabinol, li tiġi mill-pjanta tal-Cannabis. Il-piż tas-sustanza kien ta’ 0.39 grammi u l-purità kienet ta’ madwar 7.5%.
Il-kondotta ta’ Portelli kif aġġornata sa Ottubru 2020, jirriżulta li huwa kien ikkundannat għal diversi reati fosthom pussess ta’ arma tan-nar, serq aggravat f’żewġ okkażjonijiet, frodi, falsifikazzjoni ta’ dokumenti, riċettazzjoni, pussess tar-raża tal-cannabis, kokaina u tal-pjanta tal-cannabis, traffikar tad-droga eroina, pussess aggravat tad-droga eroina u pussess aggravat ta’ mediċina psikotropika u ristretta.
Dwar dawn ir-reati l-imputat ingħata sentenza ta’ priġunerija sospiża, libertà kundizzjonata, ordni ta’ probation u piena ta’ priġunerija f’żewġ okkażjonijiet. Il-Qorti qieset ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ odjern, inkluż l-ammont ta’ droga li kien wieħed minimu. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga fi żmien 15-il jum mill-għoti tas-sentenza. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Silvana Zrinzo Azzopardi.
//= $special ?>