Jismu Joe Decelis ix-xufier ta’ taxi li spiċċa aggredit wara li fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu kien qed iwassal żagħżugħ Ingliż lejn il-Mellieħa.
Skont il-Pulizija, kien iż-żagħżugħ stess illi ċempel għat-taxi wara li kien inġabar mill-Pulizija minħabba li kien xurban.
Net News jinsab infurmat li l-Ingliż, li għandu 19-il sena, inġabar minn Triq id-Dejqa u ttieħed l-għassa tal-Belt. Dan seħħ għall-ħabta tas-2:30am wara li ż-żagħżugħ kien attenda għall-kunċert tal-Isle of MTV fuq il-fosos.
Imbgħad, meta tħalla jitlaq mill-għassa, l-Ingliż ibbukja taxi biex twasslu lejn il-post fejn qed joqgħod. U kien waqt dan il-vjaġġ li ż-żagħżugħ attakka lil Decelis.
Ix-xufier tat-taxi sofra ġrieħi gravi, speċjalment f’wiċċu.
Il-verżjoni tax-xufier
F’post fuq il-media soċjali x-xufier qal li għall-ħabta tal-4am, kellu vjaġġ mill-għassa tal-Belt Valletta fejn pulizija qalulu biex iwasslu żagħżugħ Ingliż il-Mellieħa.
Huwa jirrakkonta kif waqt il-vjaġġ, iż-żagħżugħ qabad ipejjep u tella’ siequ fuq id-dashboard, fejn skont ix-xufier, it-turist kien fis-sakra. Hekk kif waslu l-Melllieħa, beda jurih minn fejn jgħaddi. Kien hawn meta ż-żagħżugħ neħħa s-seatbelt u qabad jagħtih bil-ponn tal-ħadid fejn dam għal madwar seba’ minuti. Ix-xufier ma setax jiddefendi lilu nnifsu peress li kien għadu marbut bis-seatbelt.

Skont il-vittma, l-aggressur jinsab arrestat u mhux eskluż li jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej.

