Lokali

ESKLUSSIVA: Jordan Azzopardi miżmum mill-Pulizija wara car chase fil-Madliena

L-esperti tal-Forensika qed janalizzaw pakkett li possibbilment fih droga

Għall-ħabta tal-4pm, numru ta’ Pulizija iċċirkondaw zona fil-Madliena wara car chase fejn kienu qed isegwu lil Jordan Azzopardi; persuna magħruf sew mal-Pulizija li qed jaffaċja diversi każi fil-Qorti.

Sorsi ta’ Net News mid-Depot spjegaw kif Azzopardi deher jarmi borża, li possibbilment kien fiha droga. Fil-fatt, fil-post waslu ukoll uffiċjali tal-Forensika li qed jgħinu fl-istħarriġ.

Il-borża li Azzopardi allegatament rema mill-karozza tiegħu
Ritratt: Martin Agius
Il-pakkett suspettuż li intrema mill-karozza

Azzopardi, li għandu 32 sena, kien qed isuq vettura tat-tip BMW reġistrata fuq ismu. Bl-investigaturi jgħidulna ukoll li anke fil-karozza sabu xi sustanzi.

Dan is-sit jista’ jikkonferma li waqt il-car chase intlaqtu vetturi oħra.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali immexxija minn Monica Vella.

Dan huwa t-tieni każ ta’ car chase f’ġimgħa, wara l-arrest ta’ Keith Cremona f’Raħal Ġdid.

Jordan Azzopardi mhuwiex isem ġdid mal-Pulizija. Hu diġà għaddej bi proċeduri fil-Qorti akkużat bi traffikar tad-droga wara li kien arrestat fl-2019. Azzopardi kien meħlus mill-arrest f’Awwissu tas-sena li għaddiet b’diversi kundizzjonijiet – fosthom garanzija personali ta’ €150,000.