Traġedja l-Ġimgħa filgħodu hekk kif raġel ta’ 52 sena mill-Ġorgja, residenti San Pawl il-Baħar, tilef ħajtu wara li waqa madwar tliet sulari waqt li kien fuq il-lant tax-xogħol.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni fil-limiti tal-Ħandaq, f’Ħal Qormi.
Fil-post ġew imsejħa membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-vittma b’urġenza l-Isptar Mater Dei madanakollu sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fil-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.
Din hija l-ħames fatalità din is-sena f’sit ta’ kostruzzjoni.
//= $special ?>