Richard Moore, il-kap tas-servizzi sigrieti (M16) tar-Renju Unit, qal li r-Russja se ssibha diffiċli ħafna biex iżżomm ir-ritmu preżenti tal-invażjoni tal-Ukrajna.
Dan waqt li hu jinsab ottimist li l-qawwiet Ukreni, ‘il quddiem, se jkunu f’pożizzjoni biex jiksbu aktar suċċessi militari.
Moore sostna li r-Russja ‘falliet bil-kbir’ fl-attentati biex telimina lill-President Ukren Volodymyr Zelensky u biex taħtaf il-kontroll fi Kiev. Falliment ieħor kien l-attentat ta’ Moska biex tiżra d-diżgwid qalb il-pajjiżi tal-Punent, b’Richard Moore jirreferi għall-invażjoni tal-Ukrajna bħala ‘l-aktar azzjoni sfaċċata ta’ aggressjoni fl-Ewropa mill-era tat-Tieni Gwerra Dinjija’.
Sadanittant, Moore kompla jinsisti li l-kisbiet militari tar-Russja, sallum, ma kenux daqstant sinifikattivi u li hemm kull sinjal li Moska, fil-ġimgħat li ġejjin, se tbati biex issib ir-reinforzi – f’termini ta’ suldati u tagħmir tal-gwerra – biex tkompli bl-istess ritmu tal-offensiva fl-Ukrajna.
//= $special ?>

