Lokali

Il-mewġa ta’ sħana fl-Ewropa mistennija tolqot lil Malta?

Mewġa ta’ sħana wara l-oħra f’pajjiżi Ewropej… temperaturi għoljin tant li qed jispiċċaw jaqbdu postijiet afforestati… b’riżultat li dan in-nar qed joqtol diversi ħlejjaq u saħansitra qed jinxtered lejn żoni residenzjali.

Iżda din is-sħana se tkun qed tasal lejn pajjiżna?

L-Uffiċju Meteoroloġiku Malti qed ibassar li it-temperaturi fil-ġranet li ġejjin mistennija li jkompli jiżdiedu tant li sa sebat ijiem oħra, it-temperaturi possibilment ilaħqu s-37 grad celcius.

Net News tkellem ma’ uffiċjali tal-Uffiċju Meteoroloġiku, Zvetlana Caruana fejn spjegatilna iktar x’nistgħu nkunu qed nistennew fil-ġranet li ġejjin.

“Qed inbassru li f’dawn is-sebat ijiem se jkolna temperaturi ta’ bejn it-34 u 37C,” qalet Caruana. “Qiegħda borderline bejn nilħqux heatwave jew le.”

It-temperaturi f’pajjiżna ilhom għal dawn l-aħħar jiem jaqbżu t-temperatura medja, għalkemm dan qed ikun biss bi ftit gradi, u b’hekk mhux biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jselħilha bħala mewġa’ ta’ sħana. Dan hekk kif biex pajjiżna jkun qed jesperjenza mewġa ta’ sħana, it-temperatura trid tkun 5 gradi għola mit-temperatura medja tal-aħħar 30 sena għal mill-inqas tlett ijiem.

“Ilna mis-16 ta’ Lulju, it-temperatura medja ta’ kuljum kienet iktar mill-għola medja ta’ temperatura massima ta’ 31.7C,” qalet Caruana.

Fl-aħħar jiem rajna kif numru ta’ pajjiżi esperjenzaw sħana tant qawwija li mhux biss qed jaqbdu l-foresti f’diversi pajjiżi, iżda saħansitra mitjar tal-ajruplani fir-Renju Unit spiċċa nħall u ferm agħar minn hekk, numru ta’ persuni ġew irraportati li tilfu ħajjithom kaġun tat-temperaturi għoljin. Fil-fatt, rapporti fil-midja qed jgħidu li mill-inqas 2,000 persuna mietu minħabba s-sħana madwar l-Ewropa.

L-għola temperatura li kienet esperjenzata kien dik ta’ 42 grad celcius fir-Renju Unit.

“Dik il-heatwave li affetwat lill-Ingilterra, Spanja, Portugall u Franza, kien hemm arja ta’ pressjoni għolja u estendiet lejn dawn il-pajjiżi,” qalet Caruana.

Numru ta’ esperti internazzjonali qed jinsistu li din is-sħana tremenda hi kaġun tat-tibdil fil-klima, filwaqt li qed iwissu li l-agħar għadu ġej fis-snin li ġejjin jekk ma tittiħidx azzjoni llum qabel għada.