Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Tama li l-kunsinni tal-qmuħ jistgħu, sa fl-aħħar, jaslu fl-aktar pajjiżi vulnerabbli

It-Turkija rnexxielha twassal għal ftehim mar-Russja li jippermetti għar-rilaxx tal-kunsinni tal-qmuħ li ilhom il-ġimgħat miżmuma fil-portijiet tal-Ukrajna li spiċċaw taħt assedju mill-qawwiet tar-Russja. Issa hemm tamiet li l-qmuħ, sa fl-aħħar, jistgħu jkunu trasportati mill-portijiet Ukreni mal-Baħar l-Iswed lejn l-aktar pajjiżi li qegħdin ibatu minn kriżi tal-ikel bħala konsegwenza tal-gwerrra fl-Ukrajna.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ħabbar li l-ftehim ġenerali dwar pjan speċifiku tan-Nazzjonijiet Uniti ntlaħaq waqt taħditiet li saru l-ġimgħa l-oħra f’Istanbul.

Il-ftehim kien iffirmat mir-rappreżentanti għoljin tal-Ukrajna, ir-Russja u t-Turkija, kif ukoll mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres. Dan wara li huma lkoll ivvjaġġaw lejn fil-kapitali Torka biex jikkonkludu l-iffirmar.

L-Ukrajna hi fost l-akbar produtturi tal-qmuħ fid-dinja u l-assedju tar-Russi fuq il-portijiet tagħha kkaġuna kriżi globali bir-riżultat li l-prezzijiet tal-ikel sparaw ‘il fuq b’rata allarmanti fl-Ewropa u fi bnadi oħra tad-dinja.

In-nuqqasijiet tal-qmuħ esportati mill-Ukrajna anki rriżultaw f’sitwazzjoni fejn miljuni ta’ nies qed jissugraw il-ġuh. Iżda waqt li l-aħħar żblokk fis-sitwazzjoni qanqal l-ottimiżmu, numru ta’ deputati Ukreni xorta huma kawti dwar l-iżviluppi  waqt li għamluha ċara li huma ‘ma jafdawx lir-Russi taħt kwalunkwe ċirkustanzi’.

Id-diplomati qalu li l-pjan għar-rilaxx tal-qmuħ mill-portijiet Ukreni qed jibbaża fuq numru ta’ bastimenti tal-Ukrajna li mistennija jivvjaġġaw bil-kunsinni mill-ibħra mimlijin bil-mines u taħt kundizzjonijiet perikolużi. Hu anki ttamat li r-Russi jirrispettaw ftehim għal waqfien mill-ġlied li jippermetti għall-movimenti ta’ dawn il-bastimenti mingħajr element ta’ periklu addizzjonali.

Il-ftehim jesiġi wkoll biex it-Turkija tispezzjoni l-bastimenti inkwistjoni biex isserraħ ras ir-Russi li dawn ma jkunux qed jintużaw għat-traffikar tal-armamenti.

Sadanittant, il-pjan jidher li għandu jibbenefika lill-partijiet kollha interessati. Dan meta l-Ukrajna, issa, għandha l-ewwel opportunità wara ħames xhur biex tesporta l-qmuħ mill-portijiet mal-Baħar l-Iswed.

F’din is-sitwazzjoni jistgħu anki jonqsu d-diffikultajiet għall-istess Russi biex jesportaw il-materjal tagħhom. Fl-istess ħin, u dment li kollox jimxi kif suppost, ir-Russja tkun tista’ tirribatti l-akkużi li qed tuża l-ikel bħala arma tal-gwerra.

Is-sitwazzjoni anki għandha tgħin lin-Nazzjonijiet Uniti biex tindirizza t-tħassib dwar il-ġuh fuq livell globali, iżda l-osservaturi jemmnu wkoll fil-possibbiltà ta’ problemi, ‘il quddiem, li kapaċi jostakolaw l-aktar intenzjonijiet ġenwini minn kwalunkwe naħa.

Dan waqt li l-Ukrajna qed tinkwieta li r-Russja, ‘il quddiem, tista’ tisfrutta kwalunkwe rotot tas-sigurtà fl-ibħra ‘il hinn minn Odessa biex tibda sensiela ta’ azzjonijiet militari  ġodda.

Fil-fatt, ir-Russja, fil-preżent, qed tibdel l-istrateġiji tal-gwerra waqt li qed tirrifjuta li tkompli tiddiskuti l-paċi mal-Ukrajna. Dan fost l-akkużi minn Moska li l-Ukreni ‘ma ħaqqhomx ikunu trattati bħala negozjaturi serji fiċ-ċirkustanzi’ – bil-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov  itenni li l-aħħar laqgħat mal-Ukreni ‘urew li l-Ukreni ma kellhomx xewqa ġenwina biex jiddiskutu l-iżviluppi tal-gwerra u l-effetti tagħhom’.

Fl-istess ħin, qed ikompli l-ġlied lejn il-lvant tal-Ukerajna fejn it-truppi Russi, flimkien mal-alleati separatisti, jinsabu għaddejjin b’sensiela ta’ attakki madwar il-front tal-gwerra fir-reġjun tad-Donbas.