Lokali

Ir-riżultati tat-testijiet tad-DNA għadhom ma waslux

Kien tmint ijiem ilu meta nstab il-katavru taħt pala tal-bajtar f’passaġġ li jagħti għal Triq Ghar Dalam; iżda r-riżultati tad-DNA ghadhom ma waslux ghand il-Pulizija

Net News jista’ jikkonferma li fil-bidu tal-ġimgħa, l-esperti mqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella bagħtu għad-DNA.

L-awtospjsa kienet saret is-Sibt, jumejn wara s-sejba tal-katavru f’Birzebbuga. U l-kampjuni intbagħtu għad-DNA it-Tnejn – ħamest ijiem ilu.

Il-katavru kien instab il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra fis-6:30pm, u kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Il-Pulizija kienu ġew mgħarrfa bil-katavru wara informazzjoni minn sors anonimu li għamel kuntatt mal-Korp.

L-investigaturi mhux jeskludu li l-katavru jista’ jkun il-ġisem bla ħajja ta’ Charlie Fino, l-anzjan ta’ 83 sena li ilu jiem imfittex wara li ħarab mir-Residenza San Vinċenz de Paul. Dan apparti li fl-aħħar ġimgħat kien irrapportat nieqes ukoll Salvu Bonnici ta’ 70 sena, li l-aħħar li ntlemaħ kien fil-Gudja.

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija analizzat ukoll filmati minn cameras tas-sigurtà li hemm viċin Għar Dalam; filmati kienu kruċjali biex iddeterminaw l-aħħar movimenti tal-vittma.

U issa, l-investigaturi qed jistennew li jasal ir-riżultat tad-DNA sabiex jistabbilixxu l-identità eżatta tar-raġel li instab mejjet f’Birżebbuġa.