Internazzjonali

Iz-Zona Ewro: L-ECB iżid ir-rati tal-interessi wara ħafna snin

Il-Bank Ċentrali tal-Ewropa (ECB) żied ir-rati tal-interessi għall-ewwel darba f’aktar minn 11-il sena u meta qed jipprova jrażżan l-inflazzjoni li qabdet spinta sinifikanti qalb il-pajjiżi taz-Zona Ewro.

L-ECB, intant, żied ir-rata ewlenija tal-interessi b’0.5 punti perċentwali għal 0.0 fil-mija u anki qed jippjana żidiet oħra fir-rati matul ix-xhur li ġejjin ( u x’aktarx li minn Settembru).

Ir-rati tal-interessi mill-ECB kienu ilhom ‘negattivi’ mill-2014, bil-ħsieb li l-ekonomija tar-reġjun tingħata spinta wara snin ta’ żvilupp minimu.

Madankollu il-prezzijiet għall-konsumatur fiz-Zona Ewro żdiedu b’rekord ta’ 8.6 fil-mija matul it-tnax-il xahar sa Ġunju li għadda – bil-prezzijiet tal-ikel, il-fuel u l-enerġija kollha jingħataw spinta ‘allarmanti’ ‘il fuq.

Iċ-ċifra, fil-fatt, hi ‘il fuq sew mil-limitu stabbilit mill-ECB u li mhix suppost li jaqbeż it-tnejn fil-mija.

Din is-sitwazzjoni qed tiżvolġi wara li l-Bank tal-Ingilterra u l-Federal Reserve tal-Istati Uniti wkoll żiedu r-rati tal-interessi biex jippruvaw jikkontrollaw il-qabża fil-prezzijiet.