Multa fil-konfront ta’ kuntrattur għax kien qed jagħmel xogħlijiet fit-toroq f’Wied Qirda u għalhekk injora ordni ta’ waqfien maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minħabba ksur ta’ regolamenti ambjentali, nżammet milli tiġi ppubblikata fuq il-portal tal-qorti online.
Minn informazzjoni li għandu NET News ingħatat ordni biex is-sentenza ma tiġix pubblikata biex Infrastructure Malta u l-eks CEO tagħha Frederick Azzopardi ma jitpoġġewx f’dawl ħażin. Is-sentenza kienet ingħatat f’April li għadda, mill-Maġistrat Elaine Mercieca fejn ikkritikat sew lill-Infrastructure Malta għall-mod kif hi ordnat lill-kuntrattur Anthony Camilleri ta’ AC Group biex ikompli bix-xogħlijiet f’Wied Qirda minkejja li nħarġet ordni għal waqfien mill-ERA.
Il-Partit Nazzjonalista kien kontra l-waqfien ta’ ċertu sentenzi li ma jixxandrux online u dwar dan kien ressaq mozzjoni Parlamentari f’Diċembru li għadda u xahar kienet ġiet diskussa fil-Parlament. Il-mozzjoni kienet tressqet mid-deputati Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia.
Dan biex il-Kamra tħassar, tirrevoka u tannulla r-Regolamenti tal-2021 dwar il-Pubblikazzjoni Online ta’ Sentenzi tal-Qorti (Protezzjoni tad-Data) Għoti ta’ Funzjonijiet – Avviż Legali 456 tal-2021. Il-mozzjoni m’għaddietx peress li l-Partit Laburista huwa favur li ċertu sentenzi ma jiġux pubblikati.
Sadanittat is-sentenza li ngħatat f’April fejn il-Qorti ddikjarat li Infrastructure Malta kienet injorat l-ordni ta’ ‘stop-and-comply order’ maħruġa mill-ERA billi ordnat lill-kuntrattur tagħha biex ikompli bix-xogħlijiet tat-triq. Din is-saga kienet bdiet f’Novembru tal-2019, wara li uffiċjali tal-ERA spezzjonaw is-sit u sabu li fl-inħawi kienu qed isiru xogħlijiet fit-toroq.
L-ewwel spezzjoni mill-uffiċjali tal-ERA saret fl-14 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. Ordni ta’ waqfien bil-miktub inħarġet l-għada. Madankollu, meta uffiċjali tal-ERA għamlu spezzjoni oħra fis-16 ta’ Novembru, innutaw li l-kuntrattur kompla bix-xogħlijiet minkejja l-ordni tal-waqfien.
Ordnijiet minn Frederick Azzopardi biex ix-xogħol ikompli
Saru diversi spezzjonijiet oħra, u kważi kull darba l-kuntrattur kien kompla biex xogħol tiegħu. Skont uffiċjal tal-ERA li xehed, il-kuntrattur qal li kien qed jirċievi ordnijiet mingħand Infrastructure Malta, speċifikament mill-eks CEO tagħha Fredrick Azzopardi u perit David Vassallo.
Azzopardi saħaq fil-Qorti li x-xogħlijiet kienu meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tat-triq pubblika. Huwa ammetta wkoll li kien hu li ta struzzjonijiet lill-kuntrattur biex ikompli bix-xogħlijiet. Saħansitra qal li ħaseb li l-ordni ta’ ‘stop’ fissret li ma jista’ jsir l-ebda xogħol minbarra dak relatat mat-tisħiħ tat-triq.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti rrikonoxxiet li l-kuntrattur kien qed jirċievi ordnijiet kunfliġġenti minn żewġ awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, irrimarkat li kwalunkwe kontestazzjoni tal-ordnijiet tal-ERA kellha ssir permezz ta’ mezzi legali, u mhux billi “injorat b’mod flagranti” l-ordni ta’ waqfien.
Il-Qorti staqsiet ukoll kif inħarġet stqarrija konġunta maħruġa mill-ERA u Infrastructure Malta, li tgħid li l-ordni ta’ ‘stop and comply’ maħruġa f’Novembru ma ħarġetx bl-intenzjoni li jitwaqqfu x-xogħlijiet. Tabilħaqq, il-Qorti qalet li tinsab perplessa li l-ERA ma rrevokatx jew emendat l-ordni ta’ waqfien fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni.
Minflok, l-uffiċjali tal-ERA komplew bl-ispezzjonijiet tagħhom fuq il-post. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti sabet lill-kuntrattur ħati li kiser ir-regolamenti ambjentali u imponiet multa ta’ €36,000. Seba’ għaqdiet ukoll kienu talbu biex jiġu revokati regolamenti dwar pubblikazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Online.
L-għaqdiet ARTICLE 19, European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), European Federation of Journalists (EFJ), Free Press Unlimited (FPU), International Press Institute (IPI), OBC Transeuropa (OBCT), Reporters Without Borders RSF, kienu qablu mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien Edward Zammit Lewis, is-seba’ għaqdiet esprimew it-tħassib tagħhom rigward avviż legali 456 tal-2021. Dan l-avviż legali jagħti diskrezzjoni sħiħa lid-direttur ġenerali tal-Qorti li jiddeċiedi liema sentenzi jiġu ppublikati online.
//= $special ?>