Internazzjonali

L-Italja: Konferma li l-elezzjoni se ssir fil-25 ta’ Settembru

Il-poplu fl-Italja se jivvota għal Gvern ġdid fil-25 ta’ Settembru wara li l-President Taljan, Sergio Mattarella, xolja l-Parlament b’konsegwenza tar-riżenja, f’nofs il-ġimgħa, ta’ Mario Draghi minn Prim Ministru.

Il-pronostiku attwali hu li l-Italja, ‘il quddiem, għandha titmexxa minn koalizzjoni ta’ partiti tal-lemin u taċ-ċentru-lemin – bil-Partit Fratelli d’Italia (FDI), taħt it-tmexxija ta’ Giorgia Meloni, qed igawdi l-akbar appoġġ ( ikkalkulat mat-23 fil-mija) fost l-elettorat.

F’każ li kollox jimxi mal-pronostiku u l-elezzjoni ta’ Settembru tintrebaħ mil-lemin u l-alleati taċ-ċentru-lemin, Meloni għandha tkun f’pożizzjoni tajba biex tilħaq bħala l-ewwel Prim Ministru mara fl-Italja.

Fl-istess ħin, il-koalizzjoni tal-lemin mistennija tisfrutta l-problemi attwali li qed jifnu lill-avversarji min-naħa l-oħra tal-ispektrum politiku – f’dan il-każ il-Partit Demokratiku (PD) taċ-ċentru xellug u l-Moviment Cinque Stelle li t-Taljani mgħadhomx iqisuh  daqstant bħala l-partit anti-establishment.

Il-PD jinsab it-tieni, wara l-FDI, skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni u kien baqa’ jappoġġja lil Draghi sal-aħħar tat-terminu tiegħu bħala Prim Ministru. Iżda l-Moviment Cinque Stelle mistenni li jħallas politikament wara li wassal għall-kriżi politika li rriżultat fil-kroll tal-Gvern ta’ Draghi ftit tal-jiem ilu. Dan wara li l-Moviment irrifjuta li jivvota favur Draghi waqt il-vot ta’ fiduċja ta’ nofs il-ġimgħa fis-Senat ta’ Ruma.

F’dak il-vot partikulari, Draghi lanqas ma kien ingħata appoġġ mingħand il-Partit Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi u l-Lega ta’ Matteo Salvini.