Lokali

Mat-300 bagalja fuq il-mitjar wara li l-Gvern ħalla l-ħaddiema mdendlin

Mat-300 bagalja ilhom fuq il-mitjar tal-ajruport internazzjnali ta’ Malta kwazi gimgħatejn wara li ma tgħabbewx fuq titjriet chartered lejn il-Ġermanja.

Ir-raġuni li ma tgħabbewx hi dak li ħafna qed jiddeskrivu bħala ‘il-kollass totali tal-Air Malta’.

“F’aktar minn 20 sena li ilni naħdem hawn, qatt ma rajt it-traskuraġni u l-iżdingar li rajna fl-aħħar ftit snin. Qed iħallu kollox jiżdinga qishom apposta”.

Hekk qalilna ħaddiem tal-linja Nazzjonali li jinsab frustrat b’din is-sitwazzjoni. Wieħed minn ħafna li ta kuljum qed jidħlu għax-xogħol u jaraw lil sħabhom illi qatgħu qalbhom għal kollox.

“L-Air Malta ma jinteressaha minn xejn”, qalilna persuna oħra midħla sew ta’ dak li qed jiġri.

“Hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema issa minħabba l-paniku li hemm.” U l-management spiċċa kellu jqabbad lill-kompetitur tal-Air Malta stess, l-Aviaserv, jagħmel ix-xogħol li suppost qed jagħmlu l-ħaddiema tagħha.

U filwaqt li l-kriżi tal-linja Nazzjonali tal-ajru qegħda kull ma jmur tikber, kien propju l-President tal-MHRA Tony Zahra li tkellem dwar l-importanza strateġika tal-Air Malta għal pajjizna f’kummenti li ta lil Net News aktar kmieni matul il-jum.

Is-sorsi tagħna qalulna li r-rapport tax-Shift News dwar l-Air Malta huwa korrett u li l-arrangamenti li wieghed il-Ministru qabel l-elezzjon mhux qed jitwettqu.

F’Jannar il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien ħabbar li l-Gvern kien se jniedi skema ta’ rilokazzjoni lill-ħaddiema tal-Air Malta fejn dawn setgħu jagħżlu li jieħdu impjieg ieħor mal-Gvern, bil-għan li jonqos il-piż fuq il-linja nazzjonali tal-ajru.

Mal-577 persuna applikaw għal din l-iskema, madankollu sal-lum mhux magħruf kemm minnhom filfatt ġew rilokati.

Skont il-GWU sa Ġunju, minn total ta’ 350 kienu inqas minn 10 l-ħaddiema tal-ground handling li ngħataw xogħol alternattiv.

Il-Gvern intrabat li sat-12 t’Awwissu jkun irriloka lill-ħaddiema.

Ħaddiema fil-qasam qalu li min ħareġ b’din id-data meta l-influss turistuku jkun fl-aqwa tiegħu..  ma kienx jaf x’qed jagħmel, biex issa qed jikkollassa kollox. Intant fl-isfond ta’ dan kollu,

Net News prova jagħmel kuntatt mal-Ministru Clyde Caruana kif ukoll maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi sabiex jitlob stampa aktar ċara uffiċjali ta’ x’qed jiġri fil-linja Nazzjonali tal-ajru, iżda sa issa bqajna bla tweġiba.