Raġel mill-Imsida ammetta li seraq minn ħwienet u kaxxi tal-ġbir tal-karità fi knejjes madwar il-Belt Valletta. Hossam Amgad Anwar Aly Elnily ta’ 25 sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella l-Ġimgħa wara nofsinhar, akkużat b’seba’ akkużi ta’ serq aggravat u akkuża ta’ attentat ta’ serq.
Elnily kien mixli wkoll li għex ħajja inattiva u ta’ vagabond, kif ukoll li huwa reċediv. L-Ispettur li mexxa l-Prosekuzzjoni Daryl Borg qal lill-Qorti li s-serqiet kienu saru kollha bejn is-6 u d-19 ta’ Lulju, l-aktar għall-ħabta tas-2am jew tat-3 ta’ filgħodu.
Il-knejjes misruqa jinsabu kollha fil-Belt Valletta. Elnily, li hu ċittadin Malti mit-twelid, diġà huwa magħruf mal-pulizija, wara li kien ġie akkużat li weġġa’ gravi turist Olandiż anzjan wara li allegatament aggredih b’siġġu f’ristorant fl-2018. Huwa wieġeb ħati tal-akkużi. Il-Qorti laqgħet talba tal-avukat difensur Christopher Chircop, biex jitfassal rapport ta’ qabel is-sentenza. Elnily ma ngħatatx il-libertà proviżorja sakemm jitlesta dan ir-rapport.
//= $special ?>