Sport Waterpolo

San Ġiljan iżommu mal-previżjoni … Marsaskala u Marsaxlokk b’rebħiet faċli

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS… 15

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 5

(3-0), (6-2), (4-2), (2-1)

San Ġiljan JP Projects baqgħu jsegwu lil Neptunes qabel l-aħħar konfront ta’ bejniethom biex ikun deċiż min se jikklassifika fl-ewwel post qabel il-play-offs. Il-logħba kellha faċċata waħda, b’San Ġiljan jikkontrollaw il-logħba skont il-pass tagħhom, bit-tim ta’ Birżebbuġa ftit jirnexxilu jżomm il-furja tal-avversarji.

Fl-ewwel sessjoni, San Ġiljan urew l-intenzjonijiet tagħhom hekk kif iddefendew tajjeb u kisbu vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Ben Plumpton, Darren Zammit u Matthew Zammit.

Il-Ġiljaniżi kienu diġà aċċertaw mir-rebħa fit-tieni sessjoni, b’erba’ gowls konsekuttivi li kabbru l-vantaġġ tagħhom għal 9-2. Birżebbuġa kienu daħlu parzjalment fil-logħba fl-ewwel parti tas-sessjoni meta kienu naqqsu d-distakk parzjalment għal 5-2.

Ir-rotazzjoni fit-tim Ġiljaniż xorta ħalliethom l-aħjar tim. Huma kabbru l-vantaġġ għal 12-2, bit-tim ta’ Birżebbuġa jipprova jnaqqas id-danni fil-kumplament tas-sessjoni. Russell Caruana u Nikolai Zammit issiġillaw ir-rebħa fl-aħħar sessjoni.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, N. Schiavone (1), R. Caruana (2), M. Zammit (2), B. Plumpton (3), D. Tully (1), J. Bonavia (1), N. Zammit (1), D. Zammit (1), N. Bugelli (1), G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero (1)

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, L. Cassar, B. Grech (1), C. Mifsud, R. Mock, D. Farrugia, S. Bezzina, K. Tanti, G. Mannino (2), M. Curmi, M. Sladden, D. Incorvaja, G. Sammut (2)

Referees: Attillio Paoletti, Peter Balzan

M’SKALA FISH AND FISH…. 19

OTTERS NIVEA…………………… 6

(4-0), (2-2), (7-1), (6-3)

Rebħa oħra għal Marsaskala Fish and Fish li biha baqgħu b’ċans li jibdew il-play-offs bħala t-tim tal-ewwel post. Dan dejjem jekk jegħlbu lil Valletta fl-aħħar logħba.

Gowls minn Gerald Sammut, Jake Ciantar, David Pace Lupi u Mark Carani taw vantaġġ ta’ erba’ gowls lil Marsaskala fl-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ tal-Iskalin kiber għal 6-1 fit-tieni sessjoni, b’Simon Apap inaqqas id-distakk minn penalty.

Fit-tielet sessjoni Marsaskala xxalaw b’doppjetti ta’ David Pace Lupi u Gerald Sammut fost il-gowls għat-tim ta’ Arpad Babay. Fl-aħħar sessjoni, il-logħba żammet l-istess andament, b’Marsaskala baqgħu jikkontrollaw anki jekk Arpad Babay kompla bir-rotazzjoni tiegħu fl-iskwadra.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (2), P. Privitera, R. Greco (1), G. Galea (1), K. Navarro (2), M. Manara, D. Pace Lupi (4), G. Sammut (3), J. Ciantar (2), M. Carani (3), A. Muscat, F. Scardino (1), L. Falzon

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, K. Scicluna, L. Grech Carr (2), M. Farrugia (1), D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech, L. Dimech, S. Apap (1), Z. Bartolo  (1), A. Dimech (1), M. Grech, K. Micallef, K. Lupi Spencer

Referees: Federico Braghini, Alex de Raffaele

MARSAXLOKK BROWN’S….. 13

BARRACUDAS……………………… 6

(2-1), (5-1), (2-0), (4-4)

Marsaxlokk għadhom jittamaw li jispiċċaw il-fażi ta’ qabel il-play-offs fit-tielet post. Huma għelbu lil Barracudas 13-6 u b’hekk jinsabu tliet punti taħt Ta’ Xbiex qabel il-konfront kontrihom il-ġimgħa d-dieħla.

Doppjetta ta’ Ryan Galea tat vantaġġ lil Marsaxlokk fl-ewwel sessjoni, b’Ascanio Piccione kien ġab id-draw momentarju. Otters baqgħu fil-logħba sakemm kienu 3-2, b’Marsaskala jiskorjaw erbgħa mingħajr risposta minn erba’ plejers differenti biex fetħu vantaġġ ta’ 7-2.

Luigi Mallia u Max Zammit skorjaw iż-żewġ gowls ta’ Marsaxlokk fit-tielet sessjoni. Barracudas irnexxielhom jillimitaw ftit id-danni fl-aħħar sessjoni hekk kif skorjaw erba’ gowls minn Andrew Magri, Jeremy Bugeja, Sean Aquilina u Paul Micallef. Għal Marsaxlokk skorjaw Luke Saliba, Timmy Agius u Alistair Cook darbtejn.

Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar, B. Zammit, T. Agius (2), D. Bugeja (1), M. Zammit (2), L. Mallia (1), L. Saliba (2), R. Galea (2), J. Borg Tabone, E. Mallia, M. Farrugia, A. Cook (2), R. Scerri (1)

Barracudas: M. Gouder, A. Piccione (1), A. Magri (1), P. Micallef (1), J. Erdogan, R. Sciortino, S. Aquilina (1), L. Galea, D. Camilleri (1), J. Bugeja (1), A. Mifsud, C. Bugeja

Referees: Attillio Paoletti, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Is-Sibt 23 ta’ Lulju 2022

L-Ewwel Diviżjoni: Valletta v Ta’ Xbiex 5.00pm

Kampjonat Premier: Sirens v Exiles 6.05pm, Neptunes v Sliema 7.10pm