Internazzjonali

Trump injora l-appelli biex jipprova jwaqqaf il-vjolenza fil-Capitol

Supporters of President Donald Trump climb the west wall of the the U.S. Capitol on Wednesday, Jan. 6, 2021, in Washington. (AP Photo/Jose Luis Magana)
Baqa' fl-Oval Office jara x-xeni fuq it-TV u jħeġġeġ lis-senaturi jxekklu l-proċess tad-dikjarazzjoni tar-rebħa ta' Biden

Donald Trump injora l-appelli mingħand bosta, inkluż minn ibnu stess Donald Trump Jr, biex jagħmel aktar biex iwaqqaf l-irvellijiet fil-Capitol. Irvellijiet li swew il-ħajja ta’ ħamsa minn nies, inkluż uffiċjal tal-Pulizija.

Hekk kif kompla jinstema’ l-każ quddiem il-Kumitat tal-Kungress Amerikan dwar dak li seħħ fis-6 ta’ Jannar tal-2021, ħarġet aktar evidenza li Trump dakinhar kien moħħu biss kif se jtawwal il-proċess tad-dikjarazzjoni tar-rebħa tal-avversarju tiegħu Joe Biden.

Xhida fil-każ qalu li filwaqt li aktar minn elf ruħ ħadu kontroll tal-Capitol bi vjolenza kbira u għamlu straġi sħiħa, Donald Trump kien fl-Oval Office jipprova jikkonvinċi s-senaturi tiegħu biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ixekklu l-proċess elettorali.

Huma komplew jgħidu li Trump poġġa fil-post tas-soltu tiegħu bis-set tal-TV mixgħul u bix-xeni vjolenti li kienu qed iseħħu dak il-ħin quddiemu.

Sarah Matthews, li kienet responsabbli mill-komunikazzjoni mal-media f’isem il-White House, xehdet li ppressat biex joħroġ xi tip ta’ stqarrrija bie jipprova jikkalma d-dimostranti, l-eks President Amerikan bl-ebda mod ma ried idaħħal il-kelma ‘paċi’ fit-tweet tiegħu.

Kien biss wara erba’ sigħat ta’ vjolenza u wara li bintu Ivanka Trump issuġġeriet il-kelma ‘paċifiku’ li Trump ċeda u ħareġ messaġġ jappella lil dawk leali lejh biex jagħmlu ‘bħal ma għamlu 99.9% ta’ dawk li jappoġġjawh u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b’mod paċiku’.

Intant ir-Repubblikan Adam Kinzinger iddeskrival-aġir ta’ Trump dakinhar tas-6 ta’ Jannar bħala ksur sfaċċat tal-ġurament li ħa u diżunur għad-demokrazija fl-Istati Uniti.