Lokali

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ serq minn niċeċ fil-Belt u l-Floriana

Żagħżugħ ta’ nazzjonalità barranija, residenti l-Imsida, ġie arrestat b’rabta ma’ diversi serqiet li twettqu matul dan ix-xahar fil-Belt u l-FLoriana.

Grazzi għall-ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u l-Pulizija għall-Komunità waslu għall-arrest tas-suspettat ta’ 25 sena.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li fl-aħħar ġimgħat huwa wettaq atti ta’ vandaliżmu fuq irħama mit-tmintax-il seklu filwaqt li kisser u seraq flus minn kaxxi tad-donazzjonijiet minn numru ta’ knejjes fil-Belt u l-Floriana…flimkien ma’ serq minn xi ħwienet fil-Belt Kapitali.

Aktar kmieni din il-ġimgħa b’mod esklussiv Net News irrapporta dwar waħda minn dawn l-allegati serqiet; serqa partikolari li twettqet fuq in-niċċa tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq San Duminku.

Il-filmati mxandra minn Net News urew bl-aktar mod ċar raġel jisraq kaxxa tad-donazzjonijiet minn taħt in-niċċa…iżda bil-kompliċità ta’ persuna oħra.

Għaldaqstant mhux eskluż li l-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal persuna oħra b’rabta ma’ dawn il-każi.

Ir-raġel, li qed jitqies bħala s-suspettat ewlieni fil-każ, mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella għall-ħabta tal-ħdax.