Sport Waterpolo

Dino Zammit jagħmel id-differenza u jrebbaħ lil Sliema lejn it-tmiem … Sirens jirbħu wkoll fl-aħħar sekondi

(Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS…. 5

SLIEMA FRANK SALT………. 6

(2-2), (0-1), (1-1), (1-2)

Dak li deher mitluf, inġabar fl-aħħar mumenti tal-logħba. Sliema Frank Salt rebħu l-ewwel konfront dirett tas-sajf filwaqt li taw l-ewwel telfa tas-sajf lil Neptunes. Konfront milgħub fi spirtu sportiv u bilanċjat, b’Dino Zammit ikun l-eroj hekk kif skorja darbtejn fi ftit sekondi lejn it-tmiem. Neptunes ma kinux fil-vena tas-soltu u issa l-pressjoni ddur lejhom bl-aħħar konfront qabel il-play-offs kontra San Ġiljan ikun ftit jiem oħra.

Sliema kisbu vantaġġ doppju bikri permezz ta’ Jamie Gambin u John Brownrigg iżda Neptunes irkupraw ftit wara permezz ta’ Stevie Camilleri u Gabriel Pace. Fit-tieni sessjoni, it-tnejn fallew numru ta’ man-ups sakemm Dino Zammit skorja penalty u daħħal lil Sliema 3-2 minn fuq.

L-istess Zammit kabbar il-vantaġġ fit-tielet sessjoni iżda fl-aħħar minuta tas-sessjoni, Neptunes skorjaw darbtejn permezz taż-żgħażagħ Alec Fenech u Sam Gialanze.

Michael Spiteri Staines poġġa lil Neptunes għall-ewwel darba fil-vantaġġ fil-bidu tal-aħħar sessjoni. Neptunes dehru li qed jikkontrollaw hekk kif Sliema donnhom dehru mingħajr saħħa biex jirkupraw. Iżda minuta u 16-il sekonda mit-tmiem, Dino Zammit ġab id-draw b’xutt li kien imxellef biex nofs minuta wara skorja l-gowl rebbieħ fost il-ferħ tal-partitarji Slimiżi preżenti.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat, S. Gialanze (1), G. Pace (1), J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (1), J. Camilleri, J. Abela, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech (1), M. Castillo, M. Rossi, M. Farrugia

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea, D. Rizzo, M. Meli, B. Cachia, J. Cutajar, M. Mifsud, J. Brownrigg (1), J. Gambin (1), Z. Mizzi, D. Zammit (4), A. Theuma, K. Borg

Referees: Federico Braghini, Massimo Angileri

SIRENS MECCA MARINE… 10

EXILES………………………….. 9

(2-1), (1-4), (3-2), (4-2)

Konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet kważi dejjem joffri eċċitament u din il-logħba ma kinitx eċċezzjoni. Sirens irnexxielhom jisirqu l-punti minn ħalq Exiles u b’rimonta lejn it-tmiem kisbu rebħa li għal ħafna ħin dehret li mhux se tasal.

Exiles għandhom iħossuhom sfortunati u diżappuntati. Minkejja l-protesti konsistenti fuq l-arbitraġġ, huma ma għarfux iżommu l-vantaġġ doppju lejn it-tmiem. Sirens fuq in-naħa l-oħra huma veru enigma. Impenn qawwi kontra Neptunes u ħarġu telliefa u prestazzjoni mhux konvinċenti kontra Exiles u spiċċaw rebbieħa.

David Fenech fetaħ l-iskor għal Exiles iżda Jerome Zerafa Gregory u Matthias Azzopardi dawru r-riżultat favur Exiles. It-tim ta’ Aurelien Cousin sploda fit-tieni sessjoni u skorja erba’ gowls konsekuttivi, b’John Napier inaqqas id-distakk għal 5-3.

Sirens tjiebu fit-tielet sessjoni b’konsegwenza li l-logħba bdiet issir iktar missielta. Ir-referees kienu kostretti li jkeċċu temporanjament lil diversi plejers, deċiżjonijiet li mhux dejjem kienu aċċettati mill-kowċis.

Exiles dehru resqin lejn ir-rebħa wara li Max Aquilina għamilhom 8-6. Iżda huma kellhom diversi plejers b’żewġ fawls u jista’ jkun kien fattur determinanti biex naqqsu l-aggressività. Sirens fi ftit sekondi skorjaw tlieta wara xulxin u marru 9-8. Aquilina ġab id-draw iżda fl-aħħar 17-il sekonda, Paul Serracino skorja l-gowl rebbieħ, bix-xutt jaħbat mal-lasta u ma’ dahar Matthew Castillo qabel daħal fix-xibka.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino (1), K. Erdogan (2), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (1), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier (1), M. Cutajar, M. Sciberras, M. Azzopardi (3), M. Bonello Dupuis, G. Melillo, K. Agius

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Gialanze, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina (4), D. Fenech (2), G. Borg, M. Martellacci (1), L. Pursehouse

Referees: Attilio Paoletti, Ronnie Spiteri

VALLETTA IZIBET……….. 10

TA’ XBIEX AMIGOS……… 7

(1-1), (3-1), (2-2), (4-3)

Valletta Izibet jinsabu pass bogħod milli jibdew il-play-offs bħala l-ewwel tim klassifikat. Huma rnexxielhom jegħlbu l-isfida tat-tim żagħżugħ ta’ Ta’ Xbiex li pattew għal mumenti ta’ nuqqas ta’ attenzjoni.

Kienu Ta’ Xbiex li fetħu l-iskor permezz ta’ Jamie Pace Mizzi sakemm Michele Mifsud ġab id-draw. Valletta għollew il-livell tagħhom fit-tieni sessjoni u fl-ewwel minuti tat-tieni sessjoni fetħu vantaġġ ta’ 4-1.

Wara li Jacob Saliba naqqas id-distakk ftit wara, fit-tielet sessjoni Ta’ Xbiex naqqsu d-distakk għal 5-4. Iżda l-gowl ta’ Sebastian Busuttil lejn tmiem is-sessjoni ta ftit nifs lil Valletta.

Il-Beltin aċċertaw mir-rebħa fl-aħħar sessjon b’doppjetta ta’ Michele Mifsud u gowl ta’ Keith Galea. Ta’ Xbiex ittantaw jidħlu fil-logħba iżda ma kienx fadal biżżejjed biex jirkupraw l-iżvantaġġ.

Valletta: B. Busuttil, M. Pace, T. Said, L. Hyzler, S. Busuttil (2), Z. Micallef (1), D. Paolella, M. Mifsud (4), S. Micallef, A. Agius, K. Galea (1), K. Cremona (1), A. Bugeja, L. Felice (1)

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilia, J. Pace Mizzi (1), E. Meli, S. Engerer, J. Saliba (2), J. Cassar (3), E. Schembri, Z. Cutajar Licari (1), B. Attard Littschwager, J. Chircop, D. Galea Mule

Referees: Federico Braghini, Richard Magri

Logħob li jmiss

Il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Ta’ Xbiex v Marsaxlokk 6.15pm, Otters v Barracudas 7.20pm

Kampjonat Premier: Sliema v Sirens 8.25pm

Is-Sibt 30 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Valletta v Marsaskala 6.05pm

Kampjonat Premier: Birżebbuġa v Exiles 5.00pm, Neptunes v San Ġiljan 7.10pm