Internazzjonali Lokali Saħħa

Il-monkeypox dikjarata bħala emerġenza ta’ saħħa pubblika

L-Għaqda Dinija tas-Saħħa ddikjarat il-monkeypox bħala emerġenza ta’ saħħa pubblika. Dan hekk kif iktar minn 16,000 każ kien rappurtat f’75 pajjiż madwar id-dinja, filwaqt li mietu ħames persuni.

F’Malta s’issa kienu rappurtati 17-il każ… bl-ewwel każ kien tfaċċa lejn l-aħħar ta’ Mejju li għadda.

Mill-2009 ‘l hawn din hija s-seba’ darba li saret emerġenza ta’ saħħa pubblika bl-aktar waħda riċenti tkun il-pandemija tal-COVID.

Id-Direttur Ġenerali tad-WHO qal li ħa din id-deċiżjoni minkejja li f’laqgħa li saret ma kienx hemm qbil unanimu biex ikun dikjarat emerġenza ta’ saħħa pubblika. Huwa qal li r-riskju ta’ dan il-virus huwa wieħed moderat fuq livell globali iżda fuq livell Ewropew qed ikun klassifikat bħala riskju għoli.

Dan il-virus jittieħed b’kuntatt fiżiku – fost oħrajn b’atti sesswali – bis-sintomi jkunu deni qawwi, uġiegħ mal-ġisem kollu, kif ukoll raxx qawwi li mbagħad jinbidel f’ħafna infafet….li jgħaddi f’temp ta’ 4 ġimgħat. Filfatt dawk li jkollhom il-monkeypox qed ikunu mitluba sabiex jagħmlu tliet ġimgħat f’iżolament.