Edukazzjoni Lokali

Inbidlu tliet Ministri u l-iskola tal-Imsida għadha mhux lesta… anzi trid tinbena mill-ġdid

Għaddew sentejn minn mindu tpoġġiet l-ewwel ġebla… ma sar kważi xejn…. U l-ftit li għamlu se jispiċċa jitwaqqa’.

Din hija s-sitwazzjoni tal-Iskola Primarja tal-Imsida, hekk kif il-progett se jkollu jibda mill-gdid. Dan minkejja li sentejn ilu l-Gvern kien ftaħar li fi zmien qasir kellha titlesta din l-iskola.

Issa, aktar minn għoxrin xahar wara, din l-iskola reġgħet spiċċat kif kienet – pedamenti.

Għoxrin xahar li matulhom mhux biss suppost kellha titlesta… imma suppost kellha  tibda tilqa’ l-istudenti fiha. Skola li l-Gvern Laburista ilu jwiegħed sa minn qabel l-2019, tant li sal-lum inbidlu tliet Minsitri tal-Edukazzjoni u l-iskola trid terġa’ tibda tinbena mill-ġdid.

Net News, dak iż-żmien kien saqsa lill-eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo dwar meta se titlesta din l-iskola fl-Imsida… bil-Ministru jaħrab milli jwieġeb.

U issa l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada spiċċat tfarfar mir-responsabbiltajiet tagħha wara li l-proġett tal-bini ta’ skola fl-Imsida, tant sar ħażin li se jkollu jitwaqqa’ u  jerga’ jibda mill-ġdid. Bl-istudenti se jkollhom jibqgħu fl-iskola ta’ Santa Venera.

Is-settur tal-edukazzjoni ilu jkun suġġett ta’ kritika minn bosta persuni fosthom ġenituri, għalliema kif ukoll studenti. Fl-aħħar xhur bosta ġenituri kienu mħassba dwar it-tfal tagħhom hekk kif fil-klassijiet kien qed ikun hemm sħana qawwija minħabba nuqqas ta’ AC’s jew fannijiet.

Dan apparti l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema u anke nuqqas ta’ Educational Pyschologists impjegati mal-Gvern biex ifasslu rapport jekk it-tfal għandhomx bżonn LSE biex tassistihom fil-klassi.