Lokali

Jintemm l-ewwel jum ta’ elezzjoni bikrija għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN

Jivvutaw 10.5% tal-Kunsilliera eleġibbli

Ġie fi tmiemu l-ewwel jum ta’ elezzjoni bikrija għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-elezzjoni, li saret fid-Dar Ċentrali fetħet fit-8 ta’ filgħodu u baqghet miftuħa sas-siegħa ta’ waranofsinhar.

F’dan il-proċess ta’ early voting għal Viċi Kap tal-PN ivvutaw b’kollox 10.5% tal-Kunsilliera eleġibbli li jivvutaw.

Fost dawk li xeħtu l-vot tagħhom, kien hemm l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi, akkumpanjat mis-sinjura tieghu Kate Gonzi, kif ukoll l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

Matul dan il-proċess li jkompli fil-jiem li ġejjin…il-kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali huma mitlubin jippreżentaw il-Karta tal-Identita, u min hu rreġistrat f’Għawdex u jixtieq jivvota f’Malta – jew vice-versa – hu mitlub jagħmel kuntatt mas-Segretarju Eżekuttiv organizzattiv sat-Tnejn li ġej, 25 ta’ Lulju f’12pm.

Il-ġurnata proprja tal-elezzjoni hija s-Sibt 30 ta’ Lulju, iżda għal dawk li ma jistgħux jivvotaw nhar is-Sibt, se ssir elezzjoni bikrija oħra nhar it-Tnejn li ġej kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex bejn il-ħamsa u d-disgħa ta’ filgħaxija.

Il-votazzjoni bikrija f’Għawdex issir fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, filwaqt li f’Malta ssir fid-Dar Ċentrali.

Imbagħad is-Sibt 30 ta’ Lulju l-votazzjoni se tkun bejn it-tmienja ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ wara nofsinhar f’Malta u bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofsinhar f’ Għawdex.

Għal din l-elezzjoni, kien Alex Perici Calascione illi issottometta n-nomina tiegħu għar-rwol ta’ Viċi Kap tal-PN.

Intant, f’messaġġ fuq il-media socjali, Perici Calascione sellem lil David Agius u lil Robert Arrigo u rringrazzjahom tal-ħidma imprezzabbli tagħhom bħala Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista matul dawn l-aħħar 5 snin.