Lokali

Jordan Azzopardi jinżamm arrestat… iwieġeb mhux ħati

Jordan Azzopardi nżamm arrestat u ttieħed l-Ħabs ta’ Kordin wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Dalgħodu għall-ħabta tal-11, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn ġie akkużat b’pussess u traffikar ta’ droga. Dan wara li ġurnata qabel ġie arrestat wara ġirja bil-karozzi fil-Madliena.

Hu diġà għaddej bi proċeduri fil-Qorti akkużat bi traffikar tad-droga wara li kien arrestat fl-2019. Fuq il-każijiet preċedenti Jordan Azzopardi kien ingħata l-libertà proviżorja, wara sentejn f’kustodja preventiva f’Awwissu tal-2021.  Azzopardi ta’ 32 sena kien ilu miżmum taħt arrest preventiv mill-arrest tiegħu fl-2019.

Huwa kien qed ji[i akkużat li kien involut netwerk ta’ distribuzzjoni tad-droga mal-pajjiż kollu u qed jaffaċċja 15-il akkuża, li jinkludu traffikar ta’ eroina, kokaina u cannabis. F’digriet li ngħata fis-17 ta’ Awwissu li għadda, l-Imħallef Aaron Bugeja, li kien qed jippresiedi l-Qorti Kriminali, akkorda lil Azzopardi ħelsien mill-arrest kontra garanzija personali ta’ €150,000 u garanzija oħra ta’ €50,000 minn terzi.

Huwa ġie ordnat jiddepożita l-passaport tiegħu u kien ipprojbit milli jersaq lejn il-kosta jew l-ajruport. Azzopardi huwa pprojbit milli jikkomunika max-xhieda tal-prosekuzzjoni u jrid jiffirma ktieb tal-pleġġ kuljum, kif ukoll josserva curfew. L-Avukati Franco Debono u Joe Giglio qed jidhru għal Azzopardi.

Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Roberto Montalto u Charles Mercieca.

Iktar kmieni

12.00 – L-akkużat Jordan Azzopardi inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kien fil-pussess tad-droga.

11.50 – Jordan Azzopardi jwieġeb mhux ħati għat-13-il akkuża li ġie mixli bihom fosthom li kien fil-pussess tad-droga mhux għall-użu personali tiegħu.

11.40 – Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li waqt li l-akkużat kin qed jipprova jaħrab mill-Pulizija, laqat vettura oħra. Fil-karozza mal-akkużat kien hemm mara bit-tfal u waqt li kien qed jaħrab mill-Pulizija, l-akkużat deher jarmi borża mill-karozza u l-Pulizija rnexxielha twaqqfu direzzjoni lejn Triq il-Kosta. Hu magħruf li l-borża tal-karti kien fiha 130 gramma suspettata kokaina.

11:24 – Jordan Azzopardi jiddaħħal fil-binja tal-Qorti

11:20 – Sigurtà massima barra l-Qorti; il-media tinżamm ‘il bogħod mill-entratura ta’ Triq id-Dejqa