“Jeħtieġ li bir-rakkomondazzjonijiet tat-tliet Imħallfin inkissru u mwarrbu darba għal dejjem il-kultura ta’ impunità li jrid u jgawdi minnha Robert Abela, u minflok niżirgħu mill-ġdid il-kultura tal-ġustizzja u tal-verità li tant għandna bżonn f’pajjiżna.”
Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-ħarġa tal-Ħadd tal-ġurnal il-mument fejn hekk kif nhar il-Ġimgħa jaħbat proprju għeluq is-sena mill-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika huwa sostna li Joseph Muscat qatt ma ried li ssir inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu għamel l-ostakli kollha possibbli biex l-inkjesta ma ssirx. Baqa’ jtawwal il-proċess biex tibda l-inkjesta bl-iskuża fjakka li din kienet se tfixkel l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Fil-verità l-inkjesta saret biss wara pressjoni kbira mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, mill-istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ewropa, u wara li bħala Oppożizzjoni ressaqna żewġ mozzjonijiet fil-Parlament biex tinħatar inkjesta pubblika. Fiż-żewġ okkażjonijiet, f’Diċembru 2017 u f’Diċembru 2018, Joseph Muscat, Robert Abela u l-bqija tal-Membri Parlamentari Laburisti vvutaw kontra l-ħatra ta’ inkjesta pubbliku u minflok infexxew jirreputu l-frażi “ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu”. Illum nafu li minflok kienu qegħdin jaħdmu, l-istituzzjonijiet kienu qegħdin jaħdmuna.
Saħansitra Robert Abela attakka b’mod mill-aktar kattiv lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u meta sar Prim Ministru minflok Joseph Muscat, ipprova jwaqqaf lit-tliet Imħallfin milli jkomplu u jlestu l-inkjesta. B’rieda tal-azzar it-tliet Imħallfin żammew sod u wettqu dmirhom sal-aħħar u b’mod eżemplari.
Għalhekk l-inkjesta ma saritx għax riduha Joseph Muscat u Robert Abela, iżda minkejja Joseph Muscat u Robert Abela.
ĦATJA
Il-konklużjoni tal-inkjesta kienet waħda ċara: Joseph Muscat u l-Gvern Laburista mmexxi minnu huma ħatja li wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. B’mod speċifiku l-Imħallfin ikkonkludew li Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal dak li ġara u għad-deċiżjoni tiegħu li ma jkeċċix lil Keith Schembri u lil Konard Mizzi meta dawn inqabdu bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama u li jibqa’ jżommhom fil-kariga meta sar magħruf ta’ min hi l-kumpanija 17 Black.
Il-membri kollha tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat, inkluż Robert Abela li kien jattendi għal-laqgħat tal-Kabinett, kellhom ukoll responsabbiltà meta naqsu li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
L-inkjesta kkonkludiet li Joseph Muscat ħoloq kultura ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ifisser li bil-poter li kellhom bħala Prim Ministru, Joseph Muscat u warajh Robert Abela, ħolqu ċirkostanzi fejn min irid jagħmel xi ħaġa ħażina, illegali jew abbużiva seta jagħmliha għax għandu moħħu mistrieħ li mhu se jaffaċċja l-ebda konsegwenza.
It-tliet Imħallfin ikkundannaw bil-qawwa l-mod kif ġab ruħu Joseph Muscat fiċ-ċirkostanzi u kif b’mod abbużiv baqa’ jipproteġi lil Keith Schembri u jsostnieh fil-kariga importanti li kellu sakemm ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-Imħallfin qalu wkoll li l-aġir ta’ Joseph Muscat kien inaċċettabli, kundanabbli u li kien jammonta għal “nuqqas gravi u abbuż fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala kap tal-Gvern u garanti tal-governanza tajba.”
Fi kliem sempliċi l-inkjesta kkonkludiet li Joseph Muscat ma kienx denju li jservi ta’ Prim Ministru u li mar kontra l-ġurament li kien ħa bħala Prim Ministru. Din hija verità li ma jista’ jmeriha ħadd.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta
It-tliet Imħallfin għamlu sensiela twila ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom bidliet fil-liġijiet ta’ pajjiżna dwar l-Unexplained Wealth Orders, ir-reat ġdid ta’ abbuż ta’ kariga, l-introduzzjoni tar-reat ta’ ‘associazione a delinquere di stampo mafioso’, t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, r-reati ġodda ta’ tfixkil fil-kors tal-ġustizzja u ta’ depistaġġ, u bidla fil-liġijiet u fil-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, b’mod partikolari l-Korp tal-Pulizija, bil-għan li l-ġurnalisti jingħataw aktar protezzjoni.
Fir-rapport tagħhom, it-tliet Imħallfin qablu mar-rakkomandazzjonijiet li għamlu l-Kummissjoni Venezja, l-Kummissjoni Greco, l-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tal-affarijiet legali u jeddijiet tal-bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, u insistew li dawn għandhom jidħlu fis-seħħ.
X’għamel Robert Abela dwar l-inkjesta?
Malli ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta fid-29 ta’ Lulju 2021, Robert Abela sejjaħ lill-ġurnalisti f’Kastilja u ħabbar li kien qed jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta u ntrabat li jimplimenta r-rakkomdazzjonijiet tat-tliet Imħallfin. Bdew jgħaddu l-ġranet, il-ġimgħat u x-xhur u Robert Abela baqa’ ma għamel assolutament xejn. Kien ċar li Robert Abela ma kellu l-ebda ħsieb li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika.
L-aqwa prova li Robert Abela ma jrid jagħmel xejn minn dak li qalu t-tliet Imħallfin huwa l-fatt li Joseph Muscat għadu sal-lum membru tal-Partit Laburista u jikkontrolla u jinfluwenza dak kollu li jseħħ fil-Gvern Laburista.
Għalhekk f’Diċembru 2021, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista, ppreżenta abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu jiġu implimentati r-rakkomondazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. Mingħajr ebda mistħija Robert Abela u d-Deputati Laburisti kollha vvutaw kontra dan l-abbozz ta’ liġi u b’hekk iddikjaraw ruħhom kontra r-rapport tal-inkjesta pubblika.
Nibqgħu ninsistu għall-ġustizzja u għall-verità
Quddiem l-insistenza ta’ Robert Abela u tal-Gvern Laburista li ma jagħmlu xejn dwar l-inkjesta, jeħtieġ li aħna nibqgħu ninsistu dwarha.
Pajjiżna għandu bżonn li min hu fl-ogħla karigi jibda jġorr ir-responsabbiltà politika u li r-rakkomandazzjonijiet tat-tliet Imħallfin jidħlu fis-seħħ b’bidliet sinifikanti fil-liġijiet ta’ pajjiżna u b’ħidma mill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li jwasslu biex tixxettel kultura favur is-sewwa.
Jeħtieġ li bir-rakkomondazzjonijiet tat-tliet Imħallfin inkissru u mwarrbu darba għal dejjem il-kultura ta’ impunità li jrid u jgawdi minnha Robert Abela, u minflok niżirgħu mill-ġdid il-kultura tal-ġustizzja u tal-verità li tant għandna bżonn f’pajjiżna.
//= $special ?>