Tul din l-aħħar sena, Ir-Ramblers’ Association daħlet f’numru ta’ taħdidiet mas-sid ta’ Fomm ir-Riħ, is-Sur Sandro Chetcuti, bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-kosta ta’ Fomm ir-Riħ, waqt li tiġi rispettata ukoll il-propjeta’ privata tiegħu.
Fl-1983, kien ġie iffirmat kuntratt bejn il-Gvern u is-sid ta’ dak iż-żmien Fredrick Maynard, li stabilixxa dritt ta’ passaġġ pubbliku perpetwu għall-kosta ta’ Fomm ir-Riħ.
Peress li l-passaġġ oriġinali li kellu iwassal għall-kosta qatt ma ġie iffurmat kif suppost, u peress li l-post fejn kellu jiġi iffurmat waqa’ minħabba t-tmermir tal-għoljiet tat-tafal li jinsabu fuq il-post, ġie identifikat passaġġ alternattiv miż-żewġ naħat.
Dan il-passaġġ iwassal għal bajja żgħira biċ-ċagħak, u minnu jinfetaħ passaġġ ieħor li jwassal għall-bajja l-kbira ta’ Fomm ir-Riħ, minn fejn wieħed jista’ jkompli miexi mal-kosta sal-Ġnejna.
Is-Sur Chetcuti qabel li jinbidel il-ftehim tal-1983 sabiex is-servitu’ oriġinali issa tgħaddi mill-passaġġ il-ġdid, li jinsab fuq il-propjeta’ tiegħu. Minn naħa tagħha l-għaqda tifhem u tappoġġja ix-xewqa tiegħu li jgawdi il-propjeta’ tiegħu mingħir dħul mhux mixtieq minn terzi f’din il-propjeta’.
Ir-Ramblers’ Association, flimkien mas-Sur Sandro Chetcuti, ippreżentat din is-soluzzjoni lill-Gvern. Dan seħħ waqt laqgħa li saret mal-Ministeri responsabbli mill-Ambjent u l-Artijiet. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Awtorita’ Għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Uffiċju tal-Priministru.
Waqt din il-laqgħa, ir-Ramblers’ Association spjegat li l-unika interventi li huma meħtieġa huma sinjali li juru minn fejn wieħed għandu jgħaddi, flimkien ma’ reċint adegwat għall-post li jigwida lil dawk li jixtiequ iżuru l-kosta sabiex jifhmu minn fejn għandhom jgħaddu. Dawn iż-żewġ interventi għandhom ikunu riversibbli u jirrispettaw is-sit, li huwa Natura 2000, hekk kif indikat mill-Awtorita’ Għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Is-soluzzjoni li ġiet preżentata lill-Gvern ġiet milħuqa b’mod amikevoli bejn ir-Ramblers’ Association u s-sid tal-post.
Dan juri li meta jkun hemm id-djalogu u r-rieda għall-kompromess, wieħed jista’ isib soluzzjonijiet għall-immaniġġjar tal-kampanja fejn jista’ jirbaħ kulħadd. Dan huwa possibbli anke fuq gżira żgħira bħal Malta, fejn għandek densita ta’ popolazzjoni għolja u fejn l-art hija spazju ikkontestat li ħafna drabi jwassal għal konfrontazzjonijiet spjaċevoli bejn is-sidien u membri tal-pubbliku b’intenzjonijiet tajbin.
Bħala Għaqda Non-Governattiva, ir-Ramblers’ Association għamlet dak kollu li setgħet sabiex tkun tista’ tinstab soluzzjoni li tiggarantixxi l-aċċess pubbliku għall-kosta ta’ Fomm ir-Riħ. L-għaqda issa qegħda tħeġġeġ lill-Gvern u s-sid sabiex jiffinaliżżaw din il-kwistjoni.
B’hekk ikun jista’ jingħata serħan il-moħħ lill-pubbliku, li jkun jista’ jgawdi il-kosta pittoreska ta’ Fomm ir-Riħ mingħir aktar riskju ta’ konfrontazzjoni, waqt li tiġi garantita l-privatezza li jixtieq li jkollu is-sid tal-post.
//= $special ?>