Lokali

Edward Debono jiddeskrivi d-deal tal-Vitals bħala“Frodi massiċċa li qatt ma rajna bħalha”

Din hija fordi massiċċa li qatt ma rajna bħalha fl-istorja politika ta’ pajjiżna.

Sostna dan l-avukat Edward Debono b’reazzjoni għall-istorja ppubblikata fis-Sunday Times of Malta fejn ġie żvelat kif bejn l-2016 u l-2018 Vitals Global Healthcare trasferixxew mal-€21 miljun lill-kumpanija Maltija Bluestone Investments li wieħed mid-diretturi tagħha kien Ram Tumuluri.

L-akbar suspett inevitabbli huwa kif u għalxiex dawn il-miljuni kbar ta’ ewro mgħoddija mill-Gvern lil Vitals, miljuni li suppost intefqu fis-settur tas-saħħa…kienu qed jiġu trasferiti immedjatament lill-kumpanija Bluestone Investments – f’xi waqtiet ankè fl-istess jum.

F’intervista ma’ Net News, Edward Debono, li huwa wkoll l-Avukat li ħa f’idejh il-kawża li fetaħ id-Deputat u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sabiex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi, saħaq illi dan kollu jkompli jikkonferma li l-ftehim tal-Vitals kien wieħed qarrieqi.

Huwa insista li mhux veru li l-Vitals għaddew minn proċess ta’ verifika, u fakkar kif l-eks  Deputat Mexxej tal-Labour Chris Cardona kien ħareġ memorandum of understanding għan-nom tal-Gvern li kien wegħdhom li kienu huma li se jieħdu dan il-ftehim.

Fi kliem Edward Debono, il-poplu Malti ġie misruq mill-Gvern tiegħu stess.

Huwa fakkar kif il-Pakistani Shawkat Ali daħħal miljuni ta’ ewro minn dan id-deal u staqsa min ibennefika aktar minn dawn il-flejjes kbar.

Ma’ dan l-istazzjon, l-avukat Debono semma’ wkoll l-istorja żvelata minn Matthew Caruana Galizia fejn xahrejn wara li Joseph Muscat spiċċa minn Prim Ministru laħaq ftehim biex kull xahar għal 3 snin sħaħ huwa jitħallas €15,000 – ekwivalenti għal aktar minn nofs miljun ewro.

Madanakollu dawn il-ħlasijiet waqfu ħesrem hekk kif il-banek internazzjonali Żvizzeri irrealizzaw li l-kumpanija Accutor kienet kumpanija li ma kinitx qed tagħmel negozju leġittimu.

Edward Debono temm billi qal li din l-istorja hija frodi massiċċa li qatt ma rajna bħala f’pajjiżna.