Internazzjonali

Ewropa: Tkompli taħkem is-sħana rekord fost is-sitwazzjonijiet ta’ nixfa

Diversi pajjiżi tal-Ewropa, bħalissa, qed jagħmlu l-kontijiet ta’ wieħed mill-aktar staġuni tas-sajf  ‘estremi’ fl-istorja moderna – u meta għadhom qed jitwaqqfu r-rekords tas-sħana f’pajjiżi bħal Franza, Spanja, l-Italja, il-Greċja u l-Kroazja, kif ukoll f’pajjiżi Skandinavi bħad-Danimarka.

U waqt li n-nies qegħdin ifittxu l-inqas skuża biex iqattgħu n-nofsinhari u l-btajjel maġenb il-baħar, l-attivisti favur il-kampanji għat-trażżin tal-effetti tal-bidliet fil-klima qed iwissu lill-Gvernijiet biex iwieġbu b’mod xieraq għall-fenomenu tas-sħana… Fenomenu li qed isir dejjem aktar qalil u intensiv minn sena għall-oħra.

Fil-fatt, fl-aħħar xahrejn (Ġunju u Lulju) il-mewġ tas-sħana persistenti mhux talli ħakmu fi bnadi sħaħ tal-kontinent iżda kkaġunaw aktar nirien qalb foresta milli kien il-każ matul is-snin preċedenti.

Dan waqt li l-evakwazzjonijiet tal-komunitajiet li spiċċaw mhedda min-nirien fi Franza, Spanja u pajjiżi oħra saru kważi normali matul dan is-sajf – l-istess bħall-ammonti sostanzjali tal-imwiet ta’ persuni li kienu dovuti għas-sħana.

Fl-aħħar ġimgħat ukoll, it-temperaturi ta’ bejn l-40 u t-43 gradi Celsius kienu reġistrati f’diversi pajjiżi tal-Ewropa kif ukoll fir-Renju Unit (għall-ewwel darba fl-istorja) – bir-rekords tas-sħana jinkisru diversi drabi fi Franza li rreġistrat l-akbar anomaliji fit-temp għal dan l-istaġun.