Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-qawwiet tiegħu qed javvanzaw ‘bil-mod, il-mod’ mill-artijiet ta’ Kherson – ir-reġjun li kien fost l-ewwel artijiet tal-Ukrajna li waqgħu lit-truppi tal-Kremlin wara l-invażjoni tal-pajjiż mill-Armata Russa, fl-24 ta’ Frar.
Il-belt ta’ Kherson – li kienet waqgħet lir-Russi mingħajr wisq reżistenza — tinsab lejn in-naħa t’isfel tal-Ukrajna u tinkorpora lokalità strateġika u ta’ importanza militari lejn il-punent tax-Xmara Dnipro.
Sadanittant, jidher li t-truppi Ukreni qed jiksbu numru ta’ suċċessi fost sensiela ta’ batatlji ħorox fil-limiti ta’ Kherson. Fil-fatt, l-avvanzi tal-militar Ukren qed iżidu l-possibbiltà li huma, ‘il quddiem, jeliminaw ir-rotot minfejn qed jaslu l-provvisti lit-taqsimiet tal-Armata Russa f’dik iz-zona.
Aktar kmieni fix-xahar, ir-residenti ċivili ta’ Kherson kienu mwissija biex jevakwaw minn hemmhekk mill-aktar fis biex ma jinqabdux fl-eqqel ta’ kontro-offensiva mill-qawwiet ta’ Zelensky. Il-qawwiet Ukreni, issa, qed jikkonċentraw l-azzjonijiet fuq l-inħawi maġenb ix-xmajjar tar-reġjun bil-għan li jagħmluha kemm jista’ jkun diffiċli biex il-provvisti jaslu lis-suldati Russi.
Fost l-aħħar miri tat-truppi Ukreni kien hemm il-pont ta’ Daryivskyi li jgħaddi minn fuq ix-Xmara ta’ Inhulets u l-pont ta’ Antonivskyi fuq ix-Xmara Dnipro.
Hawnhekk ukoll qed tispikka l-effettività tal-artillerija moderna li waslet lill-Ukreni jiem ilu mingħand l-Istati Uniti.
Il-Pont ta’ Antonivskyi qed jitqies bħala aċċess partikularment vulnerabbli għall-qawwiet Russi. Dan għaliex f’każ li l-Ukreni jikkontrollaw l-artijiet fil-madwar, il-qawwiet Russi fl-artijiet okkupati ta’ Kherson jispiċċaw iżolati f’sitwazzjoni li għandha titqies bħala rebħa militari sinifikanti għal Zelensky u disfatta politika għal Moska.
L-awtoritajiet Ukreni, sadanittant, qalu li għalkemm il-liberazzjoni ta’ Kherson għadha ‘il bogħod, fl-aħħar sigħat ittieħdu l-passi sinifikanti lejn dan it-tragward. Dan waqt li Oleksiy Arestovych, konsulent tad-difiża ewlieni mal-President Zelensky, sostna li talanqas 1,000 suldat Russu fir-reġjun spiċċaw iċċirkondati mill-qawwiet Ukreni.
Arestovych spjega li l-manuvri tattiċi tal-Ukreni rnexxew tant li t-truppi Russi ma setgħux joħorġu minn zona qrib il- villaġġ ta’ Vysokopillya fir-reġjun ta’ Kherson. Intant, dan l-iżvilupp, għalissa, ma jistax ikun ikkonfermat mis-sorsi indipendenti.
//= $special ?>

