Formula 1 Sport

Inċident ta’ Leclerc iwitti t-triq għal rebħa oħra minn Verstappen

Max Verstappen rebbieħ tal-Gran Prix ta' Franza

Max Verstappen rebaħ is-seba’ Gran Prix tal-istaġun minn tnax li saru s’issa, meta fiċ-ċirkwit ta’ Paul Ricard, fi Franza hu temm fl-ewwel post bil-vettura Red Bull. L-Olandiż beda’ it-tellieqa tal-llum mit-tieni post, wara li fil-provi tal-bieraħ, Charles Leclerc fuq Ferrari rreġistra l-aħjar ħin minn fost kulħadd.

L-episjodu li biddel kollox fil-ġurnata kien dak li seħħ fis-17-il dawra tal-Gran Prix. B’Leclerc fl-ewwel post, is-sewwieq Pollak deher jitlef il-kontrol tal-vettura tiegħu u kellu jirtira mit-tiġrija. Verstappen ħa vantaġġ minn dan l-inċident u rebaħ dan il-Gran Prix Franċiż għal darb’oħra fil-karriera tiegħu. B’hekk b’għaxar tiġrijiet oħra mit-tmiem ta’ dan l-istaġun, iċ-champion tad-dinja, Verstappen issa għandu vantaġġ ta’ 63 punt fuq Leclerc.

Il-karozza ta’ Charles Leclerc wara l-inċident li s-sewwieq Pollak kellu f’dawra numru 17.

Fit-tieni u t-tielet post rispettivament daħlu ż-żewġ sewwieqa ta’ Mercedes Lewis Hamilton u George Russell.

Il-Gran Prix li jmiss hu dak li se jsir fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja, fl-Ungerija. Is-sena l-oħra t-tellieqa f’Mogyoród kienet intrebħet minn Esteban Ocon fuq Alpine-Renault.