Sport Sport Ieħor

Jonas Vingegaard eqreb biex jirbaħ it-Tour de France ta’ din is-sena

Jonas Vingegaard

Jonas Vingegaard hu ċert li se jkun qed jirbaħ it-Tour de France ta’ din is-sena, meta fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar, dak numru 20 tal-bieraħ is-Sibt, hu temm fit-tieni post. Ir-rebbieħ ta’ din it-tappa kien il-Belġjan Wout van Aert, li għamel ħin li kien 19-il sekonda aħjar mill-kollega fl-istess tim tiegħu ma’ Jumbo-Visma.

B’dan ir-riżultat, id-Daniż Vingegaard issa għandu vantaġġ fil-klassifika ġenerali ta’ tliet minuti u 34 sekonda fuq Tadej Pogacar. Qabel l-istadju tal-bieraħ is-Sibt, b’rotta minn Lacapelle-Marival sa Rocamadour, fuq distanza ta’ 40.7km u b’format ta’ Individual time trial, Vingegaard kien qed igawdi vantaġġ ta’ tliet minuti u 26 sekonda fuq iċ-champion tat-Tour de France ta’ sena llu, Pogacar.

Jonas Vingegaard

Għaldaqstant fl-istadju ta’ qabel tal-aħħar, Vingegaard mhux biss kien kapaċi jipproteġi l-vantaġġ li kellu, iżda saħansitra jkabbru. Vingegaard deher li setgħa jirbaħ dan l-istadju, hekk kif fit-tielet u l-aħħar punt intermedju, il-ħin tiegħu kien żewġ sekondi aktar veloċi minn dak ta’ Van Aert.

Eventwalment Van Aert temm l-ewwel f’dan l-20 stadju ta’ dan it-tour, b’ħin li kien 19-il sekonda aħjar minn Vingegaard. Fit-tielet post spiċċa Pogacar, 27 sekonda wara Van Aert.

Il-109 edizzjoni ta’ dan it-tour tiġi fit-tmiemha llum, b’tmiem tradizzjoni f’Champs-Elysees, f’Pariġi.