Internazzjonali

KRIŻI ĠDIDA FIL-MEDITERRAN: Jiddaħħlu 674 immigrant fi Sqallija; diversi wasliet f’Lampedusa

Huma ħamsa l-vittmi li ddaħħlu fi Sqallija kmieni dalgħodu; katavri ta’ immigranti li kienu abbord lanċa li fuqha kien hemm 674 persuna u li ġew salvati fl-aħħar sigħat ‘il barra mill-Calabria.

F’operazzjoni konġunta bejn il-Marina Militare, il-Guardia di Finanza u l-bastiment merkantili Nordic, l-awtoritajiet Taljani għamlu minn kollox matul il-lejl biex isalvaw lill-immigranti li sabu ruħhom f’diffikultà. B’uħud minnhom saħansitra jinġabru mill-baħar, mumenti biss qabel ma għerqu.

Sfortunatament, iżda, ittellgħu wkoll ħames katavri ta’ immigranti li mietu f’din it-traġedja.

Anke’ Lampedusa spiċċat f’nofs kriżi ġdida, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa daħlu b’kollox 522 immigrant.

Rapporti qed jindikaw li l-iżbarki ammontaw għal xejn anqas minn 17.

F’wieħed mill-każi ta’ wasliet ta’ immigranti, iddaħħlu 111-il immigrant; eżatt f’nofs il-lejl. Il-grupp kien magħmul minn Afgani, Pakistani, Sudaniżi, Etijopjani, Somali, Niġerjani, Senegaliżi u Eritrejani.

Sorsi ikkonfermaw ma’ dan is-sit li s-sitwazzjoni fil-Mediterran tant qed teskala li l-awtoritajiet kemm Taljani kif ukoll dawk Maltin jinsabu fuq allert massimu minħabba l-possibbiltà ta’ aktar vjaġġi klandestini. Dan qed iwassal ukoll għal monitoraġġ intens minn naħa tal-AFM.