Raġel Eġizzjan tilef ħajtu wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina fi ġlieda fil-Marsa.
Pulizija tar-Rapid Intervention Unit waslu l-Marsa għall-ħabta tas-6.30pm tal-lejla wara rapporti li fi Triq is-Salib kien hemm persuna li kienet qalet daqqiet ta’ arma bil-ponta, mitlufa minn sensiha.
Mal-wasla tagħhom, huma sabu raġel mitluq fuq il-bankina u madwaru kien hemm ħafna dmija.
Kelliem għall-Pulizija qal li l-vittma kellu tal-anqas tliet daqqiet ta’ sikkina.
Hu ttieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei, madankollu sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara.
Uffiċjali tal-RIU rnexxielhom jarrestaw lill-allegat aggressur, b’sorsi jikkonfermaw li hu mis-Sudan.
Fil-post inġemgħu ħafna persuni jsegwu dak li kien qed jiżvolġi.
It-toroq tal-madwar ingħalqu għat-traffiku sakemm tinġabar l-evidenza mix-xena tar-reat.
Il-Pulizija tal-Rapid Intervention Unit flimkien ma’ dawk tal-għassa tal-Ħamrun qed ikomplu jinvestigaw il-każ, filwaqt li l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fetħet inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>