Lokali

Sena mill-pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Robert Abela jibqa’ ma jagħmel xejn.

Għad hawn problema ta’ ġustizzja u problema fi gvern li jikkontrolla l-istituzzjonijiet.

Nhar il-Ġimgħa li ġej, 29 ta’ Lulju, 2022, l-Inkjesta Pubblika dwar l-Assassinju ta’ Daphne Caruana Galilzia tagħlaq sena mill-pubblikazzjoni tagħha. Wara sena, il-Prim  Ministru Robert Abela ma għamel xejn. Mill-Inkjesta Pubblika li ħadet it-tul, immexxija mill-Imħallef Michael Mallia, l-Eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro, u li kienet ippreżentata lill-Prim Ministru Robert Abela, l-istat instab responsabbli għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza.

Fir-rapport ta’ 430 paġna jintqal b’mod ċara li l-Istat ma ħax passi biex jevita l-qtil tal-ġurnalista li ġiet assassinata f’karozza-bomba fil-Bidnija f’Ottubru tal-2017. L-Inkjesta sabet ukoll li dan kollu seħħ wara li l-istat falla milli  jirrikonoxxi r-riskji veri li kien hemm fuq ħajjitha.

Ir-rapport jgħid ċar li l-Pulizija kellhom obbligu jagħtu l-protezzjoni li ma ngħatatx; u li l-Istat kellu jħares ħajjet Daphne Caruana Galizia.

Sal-lum, quddiem din l-inkjesta li ilha pubblika sena, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern tiegħu ma għamlu xejn.

L-impunità sserraħ ras il-kriminali mhux il-poplu ta’ rieda tajba. Quddiem ix-xejn mhu xejn tal-Prim Ministru Robert Abela li injora wkoll tliet Imallfin fosthom Eks Prim Imħallef u injora inkjesta li l-istess Gvern tiegħu ħatar, f’pajjiżna għad hawn problema ta’ ġustizzja u problema fi gvern li jikkontrolla l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u meta dawn jirnexxielhom jaħdmu, jinjoraham kompletament. Gvern li għadu jikkontrolla u jiddetta lill-Korp tal-Pulizija li f’sena kważi m’għamel xejn ħlief li ssospenda lill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla u s’issa l-proċeduri ta’ dixxiplina fil-konfront tiegħu għadhom sigrieti u bla ebda konklużjoni.

Ir-riżultat tal-Inkjesta Pubblika li ilha sena quddiem il-Gvern, telenka numru ta’ miżuri u rakkomandazzjonijiet li l-Gvern għandu jindirizza. Lanqas li seta’ għamel hu li jħares biss lejn il-lista ta’ rakkomadazzjonijiet u jaġixxi. Jew ħatar lil wieħed fost il-ħafna ministri tiegħu jattwa r-rakkomandazzjonijiet. Iżda lanqas dan ma għamel.

Sena wara, il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma qalx min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li seħħ, jew kif il-Gvern se jieħu azzjoni biex l-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia qatt ma nerġgħu naraw bħalu f’pajjiżna.

Mhux talli ma ħa ebda azzjoni u ma aġixxiex, iżda Robert Abela għadu ma talab ebda skuża u lanqas aġixxa biex ikeċċi lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista u jitbiegħed minn nies li ħammġu isem pajjiżna u tixxejjen il-kultura ta’ impunità f’pajjiżna. 

Fl-aħħar ġimgħat rajna Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela li jiddefendi, jgħatti u jaħbi l-iskandli, il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter li wettaq il-Gvern Laburista ta’ qablu mmexxi minn Joseph Muscat u l-klikka tiegħu, u li Robert Abela nnifsu kien konsulent tagħhom.

Xi rriżulta mill-Inkjesta Pubblika

• L-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

• L-Istat u l-entitajiet li kkomponewh ma għarfux kif kellhom jagħrfu r-riskju reali u immedjat

• L-Istat naqas milli jieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tiegħu

• Il-provi jwasslu għall-konvinzjoni li l-qtil esklussivament hu marbut max-xogħol investigattiv ta’ Daphne Caruana Galizia

• Il-provi  jistabbilixxu kultura estiża ta’ impunità mhux biss għall-uffiċjali fl-amministrazzjoni pubblika iżda wkoll f’ċirku ristrett ta’ politiċi, negozjanti u kriminali

•  Il-Kabinett kien aktar moħħu fil-ħolqien tal-ġid li kien f’idejn grupp żgħir ta’ nies fdati li wħud minnhom kienu implikati fl-allegazzjonijiet li kienu qed isiru

• L-Eks Prim  Ministru Joseph Muscat għandu responsabbiltajiet xi jġorr għal dak li ġara

• L-Eks Prim Ministru għandu jġorr responsabbiltà li ma ħax passi serji fil-konfront taċ-Chief of Staff tiegħu u l-Ministru Mizzi meta ġew implikati fil-Panama Papers u talli ddeċieda li jibqa’ jżommhom fil-kariga anke wara l-pubblikazzjoni tal-istorja ta’ 17 Black.

• L-imġiba ta’ Joseph Muscat u l-Kabinett Laburista wasslu biex saħħew il-kultura ta’ impunità li fiha kienu jaġixxu l-persuni involuti fl-attivitajiet ta’ intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti li Daphne Caruana Galizia kitbet dwarhom

• Iċ-Chief of Staff  u l-Prim Ministru kienu jirreferu għalihom bħala ‘In-No 1’, ‘Ix-Xiħ’ u ‘Il-King’ – turija tal-kunfidenzjalità li kienu jiftaħru biha sforz tal-kultura ta’ impunità li kienet tirrenja.

Il-kampanja denigratorja kontra Daphne Caruana Galizia bdiet qabel l-2013 meta l-konfront kien wieħed biss politiku

• Wara l-elezzjoni tal-2013, il-konfront  fir-rigward ta’ Daphne Caruana Galizia sar wieħed bejn ġurnalista u l-amministrazzjoni pubblika apparti l-element  politiku

• Beda jissawwar ir-riskju għal Daphne Caruana Galizia u żdiedu l-attakki mal-iżvelar tal-allegati irregolaritajiet u skandli fit-twettiq ta’ proġetti kbar ta’ żvilupp

• Ir-riskju skala wara l-iżvelar tal-Panama Papers u aktar tard ta’ 17 Black

• Ir-reazzjoni politika għall-konfrontazzjoni mal-ġurnalista investigattiva kienet kampanja sostnuta ta’ attakki personalizzati ta’ tmaqdir u mibegħda

• Ir-riskju reali u imminenti kien reali iżda mhux għall-Kummissarju tal-Pulizija, għas-servizzi ta’ sigurtà u għall-awtoritajiet regolatorji responsabbli mill-ordni pubblika, għas-servizzi ta’ sigurtà u għall-awtoritajiet regolatorji responsabbli mill-ordni pubblika

• Xibka ta’ kontroll inħolqot biex l-amministrazzjoni pubblika ikkontrastat l-allegazzjonijiet serji ta’ Daphne Caruana Galizia

•  Pjan orkestrat biex il-ġurnaliżmu investigattiv tal-ġurnalista assassinata jiġi newtralizzat

• Il-pjan irnexxa għax kien ċentralment organizzat mill-Uffiċċju tal-Prim  Ministru

• Klima li fiha rnexxielu jeliminaha meta sab l-okkażjoni u ż-żmien opportun biex jagħmel dan

• Tispikka l-inattività tal-Kummissarju tal-Pulizija u ta’ xi uffiċjali għolja fil-Korp billi naqsu li jinvestigaw l-allegazzjonijiet li saru mill-ġurnalista assassinata

• Il-Kabinett Laburista u l-Grupp Parlamentari Laburista kollu baqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu b’voti ta’ fuduċja fil-Parlament lill-persuni implikati

• L-asserzjoni xokkanti tal-membru fil-Kabinett Laburista, Evarist Bartolo, li fi tweet fl-10 ta’ Mejju 2016 qal li  “każ ieħor ta’ liġi għall-allat u oħra għall-annimali”, turi li kien hawn il-kollass tas-saltna tad-dritt.

• L-inattività tal-membri tal-Kabinett tfisser li l-Ministri kollha individwalment min b’mod u min b’ieħor, kienu qed jissottiskrivu u jagħtu garanzija għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jħalli kollox għaddej

• Min ippjana u wettaq l-assassinju ħass li hu protett minn dawk l-aktar li kienu interessati jsikktu lil Daphne Caruana Galizia

• L-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż naqsu li jirreaġixxu b’mod xieraq u effettiv li jikkontrastaw din il-klima ta’ impunità.

Rakkomandazzjonijiet li Robert Abela injora

• Unit speċjalizzat biex iħares lill-ġurnalisti li jkunu jinsabu fil-periklu minħabba x-xogħlijiet ġurnalistiċi

• Jagħmel tiegħu r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kuummissjoni Venezja, il-Kummissjoni GRECO u mil-Legal Affairs Committee tal-Parlament Ewropew biex tissaħħaħ il-governanza tajba

• Emendi fil-Liġi Kriminali biex dawk li jirregolaw istituzzjonijiet finanzjarji u oħrajn jassiguraw li ma jiżviluppax stat ta’ impunità

• Emendi fil-liġijiet li jistgħu jgħinu mhux ftit biex jikkuntrastaw il-mentalità li wieħed jista’ jevadi l-liġijiet jew anke jwettaq dettalji għaliex ikun f’pożizzjoni ta’ poter, politiku, ekonomiku jew għax ikun parti minn organizzazzjoni kriminali protetta minn dan il-poter

• Tissaħħaħ il-Liġi tal-Whistleblower, dik tal-finanzjament tal-partiti, il-liġijiet li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti inklużi tenders jew direct orders

• Il-liġijiet għandhom jassiguraw li m’għandux ikun permess in-negozjar bil-moħbi bejn l-amministratur pubbliku u nies fin-negozju

• Jiġi regolat b’liġi l-lobbying speċjalment fejn dan jinvolvi kuntratti ma’ investituri jew negozjanti biex jippromwovu inizjattivi u proġetti

• Il-mentalità li mill-kuntratti personali,  mill-ħbiberiji u mill-famijarità tista’ takkwista dak li m’għandekx dritt għalih, trid tiġi eradikata

• Min jikser il-liġi għandu jsofri l-konsegwenzi tal-għemil u m’għandux ikollu aspettattiva li bil-flus jissana dak li bil-Liġi ma kellux dritt għalih

• Liġi li tikkumbatti l-kriminalità finanzjarja inkluż tixħim u korruzzjoni permezz ta’ Unexplained Wealth Orders

• Jiġi speċifikat reat speċifiku għal meta persuna f’kariga pubblika tfixkel jew tittanta tfixkel lill-Pulizija jew awtoritajiet

• Għandha titfassal liġi moderna dwar il-media u l-professjoni tal-ġurnalisti

• Bżonn li jiġi introdott reat simili għall-artiklu tal-Kodiċi Kriminali Taljan li jikkontempla reat ta’ “di associazione di stampo mafioso”

• Jiddaħħal fil-Kodiċi Kriminali Malti r-reat ġdid ta’ ‘abuso d’ufficcio’ li jsir minn uffiċjal pubblikuu jew inkarigat minn servizz pubbliku fi dmirijietu

• Ħtieġa li jiġi introdott fil-liġi kriminali r-reat ta’ ostruzzjoni tal-ġustizzja u b’penalitajiet adegwati li jkopri wkoll it-tentattiv ta’ “depistaggio”

• Bżonn ta’ provedimenti leġiżlattivi u fil-kodiċijiet tal-etika biex jilqgħu għall-imġiba mhux xierqa ta’ uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom

• Bi struttura fil-Korp tal-Pulizija tingħata l-aqwa protezzjoni minn min ikun espost għar-riskju gravi, tidentifika l-kawża u fil-każ tal-ġurnalista, investigazzjoni tal-kawża tar-riskju

• Ħtieġa li fil-Pulizija jkun hemm struttura formali li tkun tista’ b’mod regolari tidentifika liema persuni, u mhux biss ġurnalisti, ikunu għal xi raġuni esposti għal attakki u materji ta’ kull xorta li jistgħu jeskalaw għal vjolenza fiżika.

• Hu meħtieġ li f’unit bħal dan ikun hemm element li jiffoka fuq ġurnalisti li jistgħu jkunu f’riskju u jservi ta’ kuntatt bejn il-Pulizija u l-ġurnalista

• Jinħoloq Uffiċċju ta’ Ombudsman jew Kummissarju għall-Etika Ġurnalistika

• Għandu jkun ikkunsidrat jekk hemmx lok li tiġi emendata l-Kostituzzjoni biex l-artikoli li jirrigwardaw il-libertà tal-espressjoni jiġi rikonoxxut li l-ġurnaliżmu ħieles hu wieħed  mill-pilastri tas-soċjetà demokratika u l-Istat għandu l-obbligu li jiggarantixxih u jipproteġih

• Reviżjoni tal-provediment tal-Kostituzzjoni li jwaqqaf l-Awtorità tax-Xandir anke għaliex ġie sottomess li x-xandir pubbliku kien naqas mid-dover tiegħu tal-imparzjalità.