L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Kalifornja ddikjaraw stat ta’ emerġenza wara li diversi zoni nħakmu min-nirien qawwija – magħrufin bħala wildfires – li fl-aħħar sigħat kienu qed jinfirxu qalb l-inħawi viċin il-Yosemite National Park.
In-nirien komplew iżidu mindu qabdu nhar il-Ġimgħa u l-iskwadri għall-emerġenzi, bħalissa, qed isibuha diffiċli ħafna biex irażżnu l-qilla tal-fjammi.
In-nirien tant huma ħorox li qed iħallu l-‘effetti splussivi’ qalb il-limiti ta’ dan il-park famuż – bl-awtoritajiet jevakwaw ‘il fuq minn 6,000 persuna, fost il-konferma li diversi djar spiċċaw meqrudin aktar mal-fjammi bdew jinfirxu.
L-istat tal-emerġenza qed japplika l-aktar għal Mariposa County u f’din is-sitwazzjoni, l-Istat ta’ Kalifornja għandu jkollu aċċess għall-assistenza fuq livell federali biex is-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.
Il-fjammi kienu għadhom qed jaqbdu sew sal-ħin li morna għall-isampa u l-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, żvelaw li mhumiex qed jistennew li jrażżnu l-fjammi qabel, almenu, nofs il-ġimgħa.
Dan waqt li mijiet ta’ firefighters u numru ta’ ħelikopters attrezzati għal kontra n-nirien qed jistinkaw bla heda biex iwaqqfu l-avvanzi rapidi tal-fjammi.
Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, kienet imfissra bħala perikoluża ferm, bl-iskala tal-evakwazzjoni timponi diversi diffikultajiet għall-awtoritajiet li qed jippruvaw isibu l-akkommodazzjoni għal kulmin kien kostrett li jaħrab minn daru.
L-emerġenza qed titqies ukoll bħala bidu qalil għall-istaġun li s-soltu jkun iddominat min-nirien qalb l-aħrax f’Kalifornja. L-uffiċjali lokali, sadanittant, wissew li l-kundizzjonijiet tan-nixfa, il-bidliet fil-klima u l-veġetazzjoni bla rażan qed jimponu l-isfidi sinifikanti għall-awtoritajiet, fost iċ-ċansijiet akbar li l-fjammi jinfirxu ‘il hinn sew mill-Yosemite National Park.
Il-Park inkwistjoni jinsab lejn il-grigal ta’ fejn qed jaqbad l-hekk-imsemmi Oak Fire u jinkludi wħud mill-aktar siġar antiki tal-ispeċi ssequoia fid-dinja.
Il-Forest Service Amerikan, intant, qed jieħu l-miżuri ta’ emerġenza biex jipproteġi dawn is-siġar, iżda jidher li l-bidliet fil-klima u s-sħana eżaġerata qed ikomplu jixprunaw in-nirien fid-direzzjoni tal-Park.
Fl-aħħar sigħat ukoll, ir-residenti f’ħafna Stati Amerikani kienu qed ibatu minn mewġa ta’ sħana straordinarja — bit-twissijiet uffiċjali dwar l-effetti tagħha jkunu effettivi għal aktar minn 15-il Stat. Dan meta s-sitwazzjoni perikoluża mhix mistennija tinbidel matul din il-ġimgħa.
//= $special ?>

