Lokali Saħħa

IL-MINISTERU JIKKONFERMA: Diversi pazjenti affetwati wara li waqfu 3 magni fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija

Numru ta’ familji għamlu kuntatt ma’ Net News dwar is-sitwazzjoni xejn sabiħa li żviluppat illum fid-Dipartiment tar-Radiotherapy, fejn is-sistema krollat kompletament. Dan wara li waqfu tliet magni wara li żviluppaw ħsarat fl-arja kundizzjonata.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-pazjenti ġew mibgħuta lura d-dar, u li t-tmexxija taċ-Ċentru tal-Onkoloġija qed tagħmel minn kollox biex issolvi din il-problema.

Il-waqfien tal-magni jfisser li ġie affetwat it-trattament li jieħdu ta’ kuljum diversi persuni li qed jirċievu kura minħabba l-kanċer.

Mhux magħruf lanqas jekk il-magni hux se jkunu lura għan-normal sa għada.

Il-Ministeru jikkonferma l-aħbar imxandra minn Net News

Il-Ministeru għas-Saħħa fi stqarrija qal illi waqqaf bord ta’ inkjesta interna sabiex jistabbilixxi x’wassal għal dawn il-ħsarat, fid-dawl li din hija l-ewwel darba li seħħet ħsara teknika simili.

Mill-indikazzjonijiet tal-investigazzjoni preliminari, illi saret mill-amministrazzjoni tal-istess sptar, jidher illi s-sors tal-ħsara kienet fis-sistema tal-coolers li jirregolaw il-magni. S’issa it-tim tekniku stabbilixxa li l-ħsara hija reparabbli u diġà bdew il-preparamenti għat-tiswijiet meħtieġa.

L-amministrazzjoni tal-Isptar Mater Dei qiegħda taħdem id f’id mal-konsulenti kollha tal-pazjenti tal-onkoloġija sabiex jinstabu alternattivi adegwati għall-pazjenti.

Il-Ministeru għas-Saħħa skuża ruħu għal kull inkonvenjent maħluq f’dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt illi qal li se jikkommetti ruħu li jsiru l-arranġamenti kollha neċessarji fl-aħjar interess ta’ saħħet il-pazjenti milquta.