Joe Cassar
Il-kriżi ta’ vokazzjonijiet li diversi reliġjużi, speċjalment ordnijiet ta’ sorijiet u patrijiet, qegħdin jgħaddu minnha f’pajjiżna, qiegħda twassal – u sfortunatament jidher li se tkompli twassal – biex ċerti kunventi, u forsi wkoll ordnijiet, jagħlqu l-bibien tagħhom wara snin twal ta’ storja minħabba nuqqas ta’ preżenza ta’ reliġjużi fihom.
L-aktar reċenti fost dawn se jkun il-kunvent tal-Patrijiet Karmelitani fi Fleur-de-Lys, li ilhom preżenti f’din il-parroċċa sa mill-1946. Tliet snin wara din il-komunità kienet inqatgħet kompletament minn dik ta’ Santa Venera u billi l-inħawi tal-knisja kien żviluppa ħafna, f’Jannar tal-1975 iz-zona ta’ Fleur-de-Lys kienet dikjarata parroċċa, li minn dak iż-żmien sal-lum kienet u għadha amministrata minn patrijiet tal-Ordni Karmelitan.
Fin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet ġodda, illum f’dan il-kunvent hemm jgħixu biss żewġ patrijiet, il-Kappillan Fr Martin D. Schembri u Patri Damjan Cachia, it-tnejn patrijiet Karmelitani.
F’kuntatt li kellna mal-Provinċjal tal-Patrijiet Karmelitani f’Malta Fr Joe Saliba O.Carm, ikkonfermajna li d-deċiżjoni li l-kunvent jagħlaq il-bibien tiegħu ttieħdet mill-Kapitlu u issa jonqos biss li jkun deċiż x’se jiġri mit-tmexxija tal-knisja, li l-patrijiet Karmelitani ilhom jieħdu ħsieb sa mill-ftuħ uffiċjali tagħha fl-1 ta’ Jannar 1947. L-artal maġġur ta’ din il-knisja kien konsagrat mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mikiel Gonzi fl-14 ta’ Mejju 1948.
Il-Provinċjal Fr Joe Saliba qalilna li bħalissa ma jistax jikkummenta għaliex għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni uffiċjali dwar x’se jiġri minn din il-knisja u qalilna li meta jkun hemm deċiżjonijiet konkreti hu se jkun qiegħed jikkomunikahom lill-parruċċani u lill-pubbliku inġenerali.
Minn informazzjoni li kiseb In-Nazzjon jidher li għaddejjin diskussjonijiet proprju f’dawn il-jiem mal-Kurja ta’ Malta, possibbilment mal-Arċisqof innifsu, biex wara dawn is-snin kollha ta’ tmexxija Karmelitana, il-knisja taqa’ f’idejn l-Arċidjoċesi u tibda titmexxa minnha, bil-patrijiet preżenti jkunu sistemati f’kunventi oħra li għandhom il-patrijiet Karmelitani.
Madankollu, meta kkuntattjajna lill-Kappillan ta’ Fleur-de-Lys Fr Martin D. Schembri O.Carm, qalilna biss li hu ma jaf xejn dwar il-futur tat-tmexxija ta’ din il-knisja. Hu qalilna biss li jaf li għaddejjin xi diskussjonijiet imma li hu mhuwiex involut fihom u ma jistax jikkommetti ruħu dwar x’se jkun il-futur ta’ din il-knisja bi storja tant twila.
Dan il-ġurnal għandu wkoll informazzjoni li xi ġimgħat ilu għaddiet petizzjoni bl-inizjattiva ta’ numru ta’ parruċċani bit-tama li l-kunvent u l-knisja ta’ Fleur-de-Lys jibqgħu mmexxija mill-patrijiet Karmelitani tant maħbuba f’din il-parroċċa u ma jgħaddux f’idejn ħaddieħor. Numru ta’ parruċċani kienu saħansitra mbeżżgħin li ftit wara l-għeluq tal-kunvent, ikun imiss lill-knisja li tagħlaq ukoll il-bibien tagħha. Xi ħaġa li jidher li mhijiex l-intenzjoni la tal-Patrijiet Karmelitani u lanqas tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
In-numru ta’ residenti f’din il-parroċċa llum hu dak ta’ 2,637 persuna.
