Rapporti f’ġurnali lokali llum urew kif ir-residenti ta’ Marsaxlokk u l-eluf ta’ Maltin u barranin li ta’ kuljum iżuru dan il-villaġġ pittoresk qed ikunu kontinwament esposti għal theddida serja fuq saħħithom wara li pajpijiet kbar tal-asbestos tħallew għal xhur sħaħ fil-ġenb ta’ triq li minnha jgħaddu ammont kbir ta’ nies għal xi mixja jew biex imorru fil-bajjiet ta’ Dellimara, li jinsabu fil-qrib.
Fi stqarrija il-PN, permezz tal-kelliema għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali, Janice Chetcuti, qal li fid-dawl tal-fatt li l-asbestos jista’ jagħmel ħsara lil sahhet il-bniedem, il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir kif id-diversi rapporti li saru waqgħu dejjem fuq widnejn torox, bil-periklu ta’ espożizzjoni jkompli jkun imminenti.
U ladarba l-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk u tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ma jistgħux jiġbru dawn il-pajpijiet minħabba l-periklu għal saħħithom, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jara li jintbagħtu mill-aktar fis il-ħaddiema speċjalizzati ħalli dan l-asbestos jinġabar kollu.
Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mar-residenti ta’ Marsaxlokk fit-tħassib tagħhom u jesiġi f’isimhom li dan il-periklu jitneħħa immedjatament.
//= $special ?>