Lokali

“Is-serqa tal-Vitals qed iħallas għaliha l-poplu” – PN

Filwaqt li kull pajjiż fl-Ewropa qed jara kif se jgħin lill-poplu quddiem l-isfidi tal-għoli tal-ħajja, il-Gvern ta’ Robert Abela jridek tissikka ċ-ċinturin. Filwaqt li lilek jagħtik loqma, nerġgħu nisimgħu każ ieħor fejn tal-qalba serqu miljuni minn flus il-poplu, kif xehed ir-rapport fit-Times of Malta dwar storja oħra mal-iskandlu tal-Vitals.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Proġetti Kapitali, it-Trasport u l-Mobbiltà Adrian Delia u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, il-Partit Nazzjonalista esprimi d-diżappunt tiegħu għall-mod kif Robert Abela, minflok jara kif se jiġbor lura l-miljuni li qed jinsterqu minn flus il-poplu, qed idur fuq il-Ministri tiegħu u jitlobhom jaraw kif se jaqtgħu €200 miljun mill-budget li wiegħed għal din is-sena. U la għas-serqa tal-Vitals qed iħallas il-poplu Malti u Għawdxi, il-poplu jippretendi li jieħu flusu lura, partikolarment fost l-isfidi li għaddej minnhom bħalissa.

Wara li s-Sunday Times of Malta żvelat kif, bejn l-2016 u l-2018, tal-Vitals trasferew madwar €21 miljun lill-kumpanija Maltija Bluestone Investments, li wieħed mid-Diretturi tagħha kien Ram Tumuluri, il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib dwar il-kif u l-għaliex dawn il-miljuni ta’ ewro mgħoddija mill-Gvern lil Vitals biex suppost jintefqu fis-settur tas-Saħħa, kienu qed jiġu trasferiti immedjatament lill-kumpanija Bluestone Investments, f’xi waqtiet anke fl-istess jum.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li t-taxxi li jħallas il-poplu jintużaw kif inhu xieraq u li issa nafu għaliex intagħżlu tal-Vitals biex jingħataw tliet sptarijiet pubbliċi, li llum ta’ Steward qed jithallsu d-doppju għalihom minn flus il-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u l-Ministru tal-Finanzi biex jispjegaw immedjatament fejn marru dawn il-miljuni, kif ukoll iwieġbu l-mistoqsijiet tal-poplu dwar jekk hux se tinfetaħ investigazzjoni jew x’passi qed jittieħdu għax il-poplu jixraqlu aħjar.