Lokali

Jiżdiedu l-wasliet tal-cruiseliners f’pajjiżna

Kienu aktar minn 137,000 il-persuni li waslu pajjizna fuq cruise, fil-perijodu ta’ bejn April u Ġunju.

Statistika mahruga mill-NSO turi li fit-tieni kwart tas-sena, daħlu b’kollox mija u żewġ bastimenti tal-passiġġieri, u fuq kull cruiseliner kien hemm medja ta’ 1,346 turist.

Dan in-numru ifisser żieda tajba ħafna fuq is-sentejn ta’ qabel, meta dan is-settur kien għadu affetwat sew mir-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19.

Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru wkoll li 48% tat-turisti li waslu Malta bejn April u Ġunju kienu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Bl-akbar suq ikun dak Ġermaniż, segwit mis-suq Taljan.

Anke meta wieħed iħares lejn l-ewwel sitt xhur tas-sena jinnota xejriet pożittivi għal dawn is-settur tant importanti għal pajjiżna.

Fil-fatt, bejn Jannar u Ġunju it-total ta’ passiġġieri bil-cruiseliners kienu jaqbżu il-162,000. Bi 53% tagħhom kienu tursiti minn pajjiżi tal-UE.

L-istatistika għall-ewwel nofs tas-sena turi li aktar minn nofs it-turisti li waslu fuq cruise kienu nisa.

It-total ta’ bastimenti li daħlu Malta sa Ġunju kienu jammontaw għal 125 – meta s-sena l-oħra kienu biss 28.

Id-data turi wkoll li fl-ewwel sitt xhur waslu mat-48,000 turist mir-Renju Unit, u 17,600 kienu tursiti mill-Istati Uniti.