Lokali Saħħa

L-Assoċjazzjoni tinsisti li l-Gvern għandu jonora l-wegħda elettorali li jieħu ħsieb is-coeliacs

Billi s-coeliac disease hija meqjusa bħala kundizzjoni kronika, dawk kollha li jiġu ċertifikati coeliacs wara li jssirilhom biopsy, jikkwalifikaw għall-benefiċċji bil-kartuna s-safra (Schedule V), Billi m’hemmx mediċina għal din il-kundizzjoni, fil-bidu kienu jingħataw diversi tipi ta’ ikel gluten free b’xejn miċ-Ċentri tas-Saħħa. Din il-proċedura tal-POYC imbidlet minn Frar 2015, u minn dakinhar, is-coeliacs bdew jirċievu vawċers li jinbidlu ma’ affarjiet tal-ikel minn lista speċifika mingħand ħwienet u supermarkets li bdew jipparteċipaw fl-iskema tal-POYC.

Filwaqt li l-Assoċjazzjoni tagħna m’għandha xejn kontra l-benefiċċi tal-vawċers, minn qabel ma bdiet taħdem din il-bidla, konna ġbidna l-attenzjoni tal-istess Ministru tas-Saħħa (dak iż-żmien Segretarju Parlamentari) li, kull żieda fil-prezz ta’ kwalunkwe prodott fil-lista tal-POYC kien se jnaqqar mil-valur ta’ ikel li jista’ jinxtara; fi kliem sempliċi, kull żieda fil-prezz ikollu jħallas għaija il-pazjent u mhux il-Gvern.

Min-naħa tiegħu, seba’ snin ilu, il-Gvern sostna li bl-introduzzjoni tal-vawċers, is-suq kien se jiġi liberaliżżat, tiżdied il-kompetizzjoni u l-prezzijiet kellhom jorħsu u mhux jogħlew. M’hemmx għalfejn ngħidu li din il-ħolma qatt ma seħħet u, li tul dawn l-aħħar snin il-prezzijiet qatt ma roħsu imma bdew jogħlew bil-mod il-mod.

Is-Coeliac Association m’għandhiex ċifri uffiċjali ta’ kemm għoliet il-ħajja; biss, jekk nemmnu dak li qed jigi rrapurtat fil-gażżetti u l-meżżi tax-xandir, tul l-aħħar 15-il xahar, l-għoli tal-ħajja kien ta’ madwar 9% u dan kien rifless l-aktar fil-prezzijiet tal-ikel. Bla dubju, kullħadd jaf li din iċ-ċifra inqabżet sew hekk kif faqqgħet l-gwerra fl-Ukrajna. Sfortunatament, dan kollu għas-coeliacs ifisser biss, li gimgħa wara l-oħra, is-coeliacs iridu dejjem joħorġu aktar flus mil-but biex jixtru ikel gluten free… u kullħadd jaf li il-prezzijiet ta’ dan l-ikel kienu ġa m’għola s-sema, aħseb u ara, issa!

L-Assoċjazzjoni tħoss li bilfors għandha tenfażizza li din hi anomalija kbira; għax filwaqt li kull min jieħu xi forma ta’ benefiċċju bil-kartuna s-safra ma nbidillu assolutament xejn, il-benefiċċji tas-coeliacs kienu u baqgħu jitnaqqru. Verament tpoġġejna f’sitwazzjoni diskriminatorja, cirkostanza li ħadd m’hu jaħmel xejn dwarha, u biex tkompli tagħxxaqha, donnu li ħadd ma jimpurtah minnha.

Ma tridx tkun għaref ħafna biex tasal għall-konklużjoni li dawn iċ-ċirkostanzi qed iweġġgħu lil ħafna nies u, partikolarment dawk li jew għandom dħul baxx jew li, minħabba saħħithom, iridu jixtru mediċini oħra wholl.

M’għandna xejn x’nagħmlu ħlief li nappellaw lill-Gvern biex jonora l-wegħda elettorali li jieħu ħsieb is-coeliacs! Dan jista’ jsir biss jekk il-valur tal-vawċers jiġi revedut immedjatament biex jagħmel tajjeb għal kemm għoliet il-ħajja mill-2015 u b’hekk, ineħħi dawn il-piżijiet żejda minn fuq kull coeliac imma, aktar u aktar, minn fuq minn hu vulnerabbli jew m’għandux meżżi adekwati.