Lokali

“L-Avukat Ġenerali kompliċi biex jitgħatta l-iskandlu tal-bank Pilatus” – PN

L-Avukat Ġenerali għandha terfa’ minnufih ir-responnsabbilità tagħha u twarrab

L-aħbar li ġiet żvelata llum, li l-Avukat Ġenerali naqset milli tiżgura li Uffiċjal Għoli tal-Bank Pilatus jiġi arrestat u mressaq il-Qorti kif ġie ordnat mill-Maġistrat Ian Farrugia, tikkonferma li l-Avukat Ġenerali hi kompliċi fil-pjan tal-Gvern Laburista biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ġustizzjoni Karol Aquilina,i l-Partit Nazzjonalista jinnota kif hu inaċettabbli li persuna li fil-konfront tagħha l-Maġistrat Inkwirenti Ian Farrugia ordna l-ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali jibqa’ ma jkunx arrestat, minkejja li jkun qiegħed f’pajjiżna. Agħar minn hekk, jirriżulta li meta dan l-Uffiċjal Għoli tal-Bank Pilatus xehed quddiem il-Qorti Kriminali f’Ottubru 2021, l-Avukat Ġenerali trattatu daqs kwalunkwe xhud ieħor u ma ħadet l-ebda azzjoni biex ikun arrestat, kif ordna li jsir il-Maġistrat Inkwirenti Ian Farrugia.

L-Avukat Ġenerali ilha sa minn Diċembru 2020 li rċeviet kopja tal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-Bank Pilatus u għalhekk, ilha aktar minn sena u nofs taf li dan l-Uffiċjal Għoli tal-Bank Pilatus għandu jiġi arrestat u mressaq il-Qorti b’akkużi serji.

Din l-aħbar hi konferma oħra ta’ kif, bl-aġir tagħha, l-Avukat Ġenerali qed tabbuża mill-Indipendenza Kostituzzjonali li tgawdi u n-nuqqasijiet serji tagħha qed ikomplu jdgħajfu l-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u jwasslu għal amministrazzjoni ħażina tal-Ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif f’Jannar li għadda, l-Avukat Ġenerali għamlet deal skandaluż li permezz tiegħu waqqgħet l-akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidiju fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, fil-konfront ta’ wieħed mill-akkużati li kien ser jgħaddi Ġuri b’akkużi ta’ tentattiv ta’ omiċidju, hold up u reati serji oħra u ftit tal-jiem ilu żewġ Avukati akkużati b’attentat ta’ tixħim kienu lliberati biss minħabba nuqqas serju tal-Avukat Ġenerali fil-proċedura quddiem il-Qorti.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Avukat Ġenerali biex minnufih terfa’ r-responsabbiltà u twarrab mill-kariga tagħha.

Din hi l-unika triq onorabbli li fadlilha l-Avukat Ġenerali.