Lokali

“Qed titrattaw lin-nies ta’ Ġaħan”

Il-piż fuqna l-pensjonanti, inti mhux se tħossu. Il-pensjonijiet baxxi, lanqas inlaħħqu mal-ħajja.

Agħtu żieda fil-pagi biex il-poplu jingħata l-għajnuna.

Il-poplu qed iħoss l-għoli tal-ħajja ghax m’għandux l-eluf, minflok tħallsu dawk il-miljuni fil-vojt lill-ħbieb tagħkom tal-isptarijiet, dawn qassmuhom lill-poplu.

Dawn kienu uħud mill-kummenti tan-nies b’reazzjoni għal dak li qal fuq is-Super One l-eks Ministru Laburisra, illum deputat, Edward Zammit Lewis, fejn kien qed jirreaġixxi għaż-żieda enormi fil-prezzijiet u d-daqqa tal-għoli tal-ħajja.

L-isfida tal-għoli tal-ħajja ilha tinħass għal diversi xhur, b’bosta jilmentaw kif mhux jirnexxilhom jgħaddu sal-aħħar tax-xahar.

F’reazzjoni għall-storja ta’ Net News dwar dak li qal Zammit Lewis, kien hemm persuna illi stqarr li aħjar ma’ qal xejn, milli tkellem b’dak il-mod fil-konfront ta’ din l-isfida, għax kummenti bħal dawn qed joffendu l-intelliġenza tan-nies. U kien hawn illi uħud fakkru fil-famuża frażi tal-ġaħan li kien uża l-istess Edward Zammit Lewis.

Persuna oħra stqarret li barra minn Malta jogħlew il-prezzijiet u jiżdiedu l-pagi, iżda hawn Malta jogħlew il-prezzijiet u l-pagi jibqgħu l-istess.

Raġel ieħor ilmenta li għandna ċertu tariffi esġarati li jistgħu ma jkunux daqshekk għolja u b’hekk tittaffa l-problema tal-għoli tal-ħajja.

Oħrajn qal li anki l-ilma se jogħla, u saqsew għaliex il-Gvern mhux jagħti kumpens.

Persuna oħra stqarret: kif wieħed jista’ jgħid li Malta mexjin fuq ir-rubini, meta hawn in-nies li qed ibatu.

Intant tul il-programm, wara li Zammit Lewis stqarr ukoll li hemm minoranza li ħadu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni. U għalhekk għolew il-prezzijiet.

Kumment bħal dan ukoll ġab rabja fost dawk li kkumentaw, fejn insistew li l-Ministru maqtugħ mir-realtà, u bosta drabi tal-ħanut ma jkollux triq oħra ħlief li jgħolli l-prezzijiet.