Al Mahy Ezzo Saeed ta’ 28 sena tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Eġiżżjan… liema omiċidju seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-sitta fil-Marsa. Huwa ġie mixli b’rabta ma’ daqqiet ta’ sikkina fatali li swew il-ħajja ta’ raġel fil-Marsa fil-jum tal-Ħadd.
Il-Maġistrat Claire-Louise Stafrace Zammit ġiet infurmata li l-vittma għadha ma ġietx identifikata. Huwa nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fosthom li qatel lill-Eġizzjan, li kien qed iġorr arma li taqta’ u bil-ponta u li kiser il-paċi pubblika.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest peress li s-Sudaniż m’għandux fejn jgħix. Waqt li kkomunika permezz ta’ interpretu, Saeed, mid-Darfur fis-Sudan, huwa qal lill-qorti li ħadem sporadikament f’xogħol ta’ labourer.
L-Ispetturi Shaun Pawney u Roderick Spiteri mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Jason Grima. Il-prosekuturi Anthony Vella u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għenu lill-pulizija.

Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit irreaġixxew għal rapport ta’ inċident vjolenti fi Triq Patri Feliċjan Bilocca kienu sabu lill-vittma, bid-demm ħiereġ fit-triq, ilbieraħ għall-ħabta tas-6:30pm. Il-Pulizija qalet li r-raġel kien sofra bosta daqqiet ta’ sikkina f’sidru u dahru.
Huwa ċeda għall-feriti tiegħu fl-Isptar Mater Dei ftit wara li wasal hemmhekk. Sussegwentement l-allegat aggressur ġie arrestat fi triq fil-viċin u nstab li kien qed iġorr dak li jissuspetta l-pulizija li kienet is-sikkina użata biex twettaq il-qtil.