Internazzjonali

Tikber il-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran

Seba’ żbarki oħra f’temp ta’ ftit sigħat – Biċ-ċentru tal-immigranti f’Lampedusa jinsab maħnuq b’nies illi ġew salvati fl-aħħar tliet ijiem.

Sorsi ikkonfermaw ma’ dan l-istazzjon li s-sitwazzjoni fil-Mediterran tant qed teskala li l-awtoritajiet kemm Taljani kif ukoll dawk Maltin jinsabu fuq allert massimu minħabba l-possibbiltà ta’ aktar vjaġġi klandestini. Dan qed iwassal ukoll għal monitoraġġ intensiv minn naħa tal-AFM.

Il-media Taljana qed tirrapporta li t-Tnejn filgħodu komplew jaslu aktar immigranti, u ċ-ċentru ta’ detenzjoni bħalissa qed jilqa’ ‘l fuq minn 1,800 persuna. Fosthom hemm diversi nisa u tfal.

Lampedusa spiċċat f’nofs kriżi ġdida, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa daħlu b’kollox 522 immigrant.

Rapporti qed jindikaw li l-iżbarki bejn is-Sibt u l-Ħadd ammontaw għal xejn anqas minn 17.

F’wieħed mis-salvataġġi, iddaħħlu 111-il immigrant; eżatt f’nofs il-lejl. Il-grupp kien magħmul minn Afgani, Pakistani, Sudaniżi, Etijopjani, Somali, Niġerjani, Senegaliżi u Eritrejani.

Din il-kriżi qed twassal ukoll għal aktar traġedji umani.

Il-Ħadd ħames katavri ta’ immigranti iddaħħlu fi Sqallija; huma kien abbord dgħajsa li fuqha kien hemm 674 persuna. Dawn ġew salvati ‘il barra mill-Calabria.

F’operazzjoni konġunta bejn il-Marina Militare, il-Guardia di Finanza u l-bastiment merkantili Nordic, l-awtoritajiet Taljani għamlu minn kollox biex isalvaw lil dawn l-immigranti li sabu ruħhom f’diffikultà. B’uħud minnhom saħansitra jinġabru mill-baħar, mumenti biss qabel ma għerqu.