Raġel li allegatament kien involut fi ġlieda bil-ponn mas-sieħeb il-ġdid ta’ martu ngħata l-libertà proviżorja mill-Qorti ta’ Għawdex. Il-ġlieda seħħet il-Ħadd filgħaxija wara l-festa tar-raħal Sannat f’Għawdex. Ir-raġel residenti x-Xewkija ta’ 33 sena, li bħalissa għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni minn ma’ martu, ġie arrestat għall-ħabta tat-3.30am wara argument mal-eks tiegħu u l-għarus il-ġdid tagħha, liema argument ħarġet barra mill-kontroll.
Ftit qabel l-inċident, l-akkużat kien allegatament kien involut f’argument verbali sħun mal-eks mara tiegħu fuq il-mobile. Ir-raġel, li l-identità tiegħu mhix qed tiġi żvelata sabiex tiġi ssalvagwardjata l-identità tal-allegati vittmi tiegħu, wieġeb mhux ħati li darab gravi lill-għarus ta’ martu, kiser il-paċi u hedded u insulenta lill-eks mara tiegħu.
Huwa ċaħad ukoll l-użu ħażin tat-tagħmir tal-komunikazzjoni elettronika u l-akkuża ta’ fastidju. Ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni talba għal libertà proviżorja l-aktar fid-dawl ta’ xhieda ċivili li għad iridu jixhdu. Madankollu l-avukat difensur Franco Debono qal lill-Qorti li l-akkużat għandu kondotta kważi nadifa u jgawdi wkoll l-appoġġ tal-familja tal-eks mara tiegħu.
Fil-fatt, il-kunjatu tiegħu kien preżenti fis-seduta, irrimarka l-avukat. Barra minn hekk, l-akkużat kien irreaġixxa għall-insulti u l-provokazzjoni mill-allegati vittmi tiegħu, sostna l-Avukat Debono, filwaqt li kompla jinnota li l-għarus tal-mara seta’ ntlaqat minn waħda mill-persuni li kienet intervjeniet biex tferraq u tikkalma il-ġlieda.
Il-Maġistrat Simone Grech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €6,000, li jffirma il darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija u mpniet curfew bejn l-10.30pm u l-5am. Il-Qorti wissiet lill-akkużat biex ma javviċinax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni u ħarġet Ordni ta’ Protezzjoni favur l-allegati vittmi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet milll-Ispettur Bernard Charles Spiteri
//= $special ?>