Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li reġa’ seraq anzjana

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Imsida ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li ammetta li wettaq serqa minn fuq anzjana ta’ 73 sena fil-Belt. Dante Buhagiar ammetta li fl-1 ta’ Settembru tas-sena li għaddiet seraq flus lill-anzjana, ikkaġunalha feriti ħfief u kiser żewġ sentenzi tal-Qorti.

Din mhux l-ewwel darba li Buhagiar wettaq reati simili. Fil-fatt jiem wara li huwa seraq lill-anzjana kien instab ħati li seraq il-pensjoni ta’ zitu ta’ 77 sena u kien ikkundannat tliet xhur ħabs. L-Avukat tiegħu dak inhar qal li Buhagiar kellu problema ta’ kokaina.

Huwa ammetta l-akkużi kontrih fil-konfront ta’ l-anzjana mill-Belt. F’rapport li sar dwaru, ħaddiema soċjali spjegat li ż-żagħżugħ għandu l-vizzju tad-droga u ssuġġeriet li jibda jsegwi programm biex ma jibqax dipendenti fuq id-droga. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li minkejja li ammetta mill-ewwel, ma tistax ma tieħux konsiderazzjoni tal-fatt li huwa wettaq sensiela ta’ reati fi żmien qasir.

Il-Qorti qalet li jidher ċar li ż-żagħżugħ jeħtieġ għajnuna sabiex jindirizza l-problema akuta ta’ dipendenza li għandu fuq id-droga. Il-Maġistrat Micallef Stafrace qieset ukoll l-età tenera tal-imputat li għalkemm għandu l-età tiegħu għandu anqas minn 20 sena u għalhekk qalet li hema tama akbar li l-għajnuna tirnexxi u jibdel ħajtu.

Minbarra l-erba’ snin ħabs hija ħarġet ukoll ordni ta’ trattament fil-konfront tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Galea, Lydon Zammit u Michael Vella.