Hekk kif spiċċat is-sena skolastika, ingħata bidu għar-raba’ edizzjoni tas-Summer Club organizzat mill-Knisja ta’ San Franġisk fil-Ħamrun – vjaġġ sabiħ ta’ kwazi 3 xhur mimli entużjażmu u ferħ tat-tfal.
Net News tkellem ma’ Fr Joseph Magro, li huwa l-moħħ wara din l-inizjattiva sabiħa li bdiet 4 snin ilu.
Dan is-Summer Club isir kull nhar tat-Tlieta u Ħamis, u jilqa’ fih tfal tal-eta’ ta’ bejn l-4 snin u 11-il sena.
Fr. Joseph Magro spjegalna kif fil-bidu tal-ġurnata, it-tfal jattendu għall-quddies li ssir fil-Knisja ta’ San Franġisk fil-Ħamrun, u wara l-quddiesa it-tfal jitilgħu lejn iċ-Ċentru sabiex hemm tibda l-ġurnata tagħhom li tkun tinkludi loghob, żfin u crafts.
Minn żmien għal żmien jiġu organizzati diversi avvenimenti specjali, inkluż BBQs għall-ġenituri tat-tfal li jattendu dan is-Summer Club.
Bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera, din l-inizjattiva saret possibli – inizjattiva mimlija tagħlim nisrani, logħob, u attivitajiet oħra, filwaqt li t-tbissima ta’ ferħ tat–tfal turi kemm din l-esperjenza hija waħda pożittiva u unika.
