Internazzjonali

Fil-Ġappun: l-eżekuzzjoni ta’ raġel li qatel seba’ minn nies fl-2008

Fil-Ġappun, ir-raġel ta’ 39 sena li fl-2008 qatel seba’ minn nies f’zona kummerċjali inqatel billi ġie mgħallaq wara li l-Qrati kkundannawh għall-piena kapitali.

Tomohiri Kato kien wettaq wieħed mill-aktar każijiet krudili ta’ qtil tal-massa waqt li kien qalb folla nies f’ħin l-ikla ta’ nofsinhar fid-distrett kummerċjali ta’ Akihabara.

Hemm hu l-ewwel saq fuq il-folla u qatel tliet persuni.

Imbagħad ħareġ mill-vettura u ta daqqiet ta’ sikkina lil nies li kienu qribu, biex qatel erba’ minn nies oħra u weġġa’ tmienja.

Hu kien ammetta r-reati u qal li kien l-online bullying li kien qed jirċievi li wasslu jwettaq dawn il-ħruxijiet.

Kato kellu biss 25 sena meta wettaq dan l-attakk.

L-eżekuzzjoni tiegħu hi l-ewwel waħda għal din is-sena fil-pajjiż. F’Diċembru li għadda nqatlu tliet priġunieri oħra.