Papa Franġiksu talab maħfra għall-abbużi mwettqa minn reliġjużi fil-konfront ta’ tfal Kanadiżi inidiġeni li kienu fil-kura tagħhom fi skejjel residenzjali.
Waqt iż-żjara penitenzjali tiegħu fil-Kanada, Papa Franġisku tkellem dwar dawn l-atti ‘b’dieqa u mistħija’.
Iż-żjara tiegħu fil-pajjiż mistennija ddum ġimgħa u qed tkun deskritta bħala pellegrinaġġ penitenzjali.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika minbarra li talab maħfra, wiegħed ukoll investigazzjoni serja f’dak li seħħ.
Hu għamel din il-wegħda quddiem nies indiġeni f’Edmonton, Alberta nhar it-Tnejn.
“Nitlob maħfra, b’mod partikolari għall-mod kif membri tal-Knisja u komunitajiet reliġjużi kienu kompliċi fi proġetti ta’ qerda li laħqu l-qofol tagħhom fis-sistema tal-iskejjel residenzjali”, qal Papa Franġisku.
Il-Canada Truth and Reconciliation Commission irrappurtat li mal-4,000 tifel u tifla indiġena tilfu ħajjithom minħabba abbuż jew abbandun f’dawn l-iskejjel.
“Fid-dawl ta’dan il-ħażen deplorabbli, il-Knisja tinxteħet quddiem Alla u titlob bil-ħniena għal maħfra tad-dnubiet ta’ ulieha”, kompla l-Papa.
“B’umiltà nitlob għall-maħfra għall-ħażen li twettaq minn ħafna nsara kontra l-popli indiġeni”.
Mexxejja indiġeni kienu ilhom is-snin jitolbu apoloġija mill-Papa għall-ħsara li saret fuq deċenji lil tfal li sofrew abbuż.
//= $special ?>