Internazzjonali

Ġappun: Iħallas b’ħajtu għal qtil tal-massa f’Tokjo

Raġel ta’ 39 sena li, fl-2008, kien qatel seba’ minn nies f’zona kummerċjali ta’ Tokjo, ingħata l-forka, snin wara li l-qrati kienu kkundannawh għall-mewt b’konnessjoni mar-reat li xokkja lill-Ġappun kollu.

L-ikkundannat, Tomohiri Kato, kellu biss 25 sena meta wettaq wieħed mill-aktar każijiet krudili ta’ qtil tal-massa waqt li kien qalb folla nies fid-distrett kummerċjali ta’ Akihabara. Hu, dakinar, kien saq fuq il-folla bi trakk, bil-konsegwenza li qatel tliet persuni u wara kien ħareġ mill-istess vettura fejn beda jxejjer daqqiet ta’ sikkina lejn in-nies qrib tiegħu, bir-riżultat li qatel erba’ u darab tmienja oħra.

Kato  kien spiċċa arrestat mill-pulizija u ammetta għar-reat waqt li qal li hu wettaq l-atroċità minħabba li kien spiċċa vittma ta’ bullying fuq l-Internet. Intant, l-esekuzzjoni ta’ dan ir-raġel hi l-ewwel waħda għal din is-sena fil-Ġappun.